Saturday, December 21, 2024

“B’kawtela imma b’rieda tajba nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-Belt”

Jgħid dan Jason Micallef, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta

Aqra wkoll

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ġiet mibnija fuq il-legat tal-Valletta 2018 u għaldaqstant illum din għandha rwol importanti fil-belt kapitali tagħna. L-Aġenzija fil-fatt għandha l-għan li tippromwovi u ssaħħaħ il-Belt Valletta. Dan tagħmlu mill-aspett soċjali, ekonomiku u kulturali fil-Belt Valletta. 

L-Aġenzija toħloq u tippreżenta avvenimenti, eżibizzjonijiet, u preżentazzjonijiet ferm interessanti u li jattiraw kemm il-Maltin kif ukoll it-turisti fil-Belt Valletta. Fost ħafna dmirijiet oħra, l-Aġenzija hija wkoll responsabbli sabiex toħloq pjan kulturali u tiżviluppa programm kulturali annwali għall-Belt Valletta. L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għalhekk, hija strument importanti biex jiġi protett u promoss il-wirt kulturali u artistiku tal-Belt.

Fl-aħħar jiem, dan is-sit tkellem maċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef dwar il-ħidma li għamlet l-Aġenzija f’dan iż-żmien ta’ pandemija u anke kif din għarfet tirreaġixxi għal din l-isfida. Huwa beda biex qal li fl-eqqel xhur tal-pandemija, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, ħasset il-ħtieġa li aktar minn qatt qabel tkun xprun biex l-attività ekonomika, soċjali, u kulturali fil-Belt Valletta, tilqa’ b’kull mod possibbli għad-daqqa kbira għas-setturi fil-Belt Valletta. 

Waqt li rrikonoxxa li din ma kinitx xi ħaġa faċli fiċ-ċirkostanzi, Micallef jgħid li l-Belt Valletta kienet l-aktar post f’Malta milqut ħażin mill-effetti soċjali, ekonomiċi u kulturali li ħalliet warajha l-pandemija. Minkejja dan, huwa qal li l-Aġenzija xorta waħda ħejjiet attivitajiet u proġetti li b’mod jew ieħor ittellgħu bil-miżuri kollha imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa. Ħafna minn dawn l-attivitajiet tpoġġew online biex ikun żgurat li dawn jilħqu udjenzi differenti minn ġewwa djarhom. 

Dawn l-attivitajiet varjaw mill-Valletta Green Festival, għal arti performattiva, mużika, teatru, u attivitajiet tal-Milied b’differenza fosthom iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena (2021) fi spettaklu kbir maħdum għat-televiżjoni biss minn ġewwa l-Forti Sant Iermu. Micallef qal iżda li l-akbar sfida li kellhom kienet it-tlestija tal-Valletta Design Cluster u dan “minkejja d-diffikultajiet kollha li ħabbatna wiċċna magħhom ukoll minħabba l-pandemija.” 

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta żied jgħid li: “xorta waħda dan wieħed mill-akbar proġetti infrastrutturali li qatt għamilna fil-Belt Valletta u rnexxielna niftħuh b’suċċess fis-sena tal-pandemija, u qed jilqa’ l-ewwel artisti fid-dixxiplini differenti tagħhom. Mhux biss, għaliex ħafna mill-binja hi miftuħa għall-pubbliku bil-ġnien pubbliku fuq il-bejt tal-binja jservi bħala attrazzjoni ewlenija mhux biss għall-Beltin iżda wkoll għat-turisti li qed jagħżlu juru l-Valletta Design Cluster fin-naħa t’isfel tal-Belt Valletta.”

“Il-kultura hija riflessjoni ta’ komunità jew nazzjon”

Mitlub jikkummenta dwar il-fatt li matul is-snin il-kultura wriet li hija aspett importanti fil-ħajja tagħna, Micallef qal li l-kultura hija riflessjoni ta’ komunità jew nazzjon. Huwa qal li dan jagħmel lill-kultura fattur importanti u vitali biex jiġi ddeterminat kif komunità tirreaġixxi, tirrispondi u tikber. “Il-kultura għandha rwol importanti fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Il-kultura tagħtik sens ta’ appartenenza.”

“Tista’ tgħid li l-kultura fil-forom kollha tagħha minn dejjem kienet essenzjali għall-bniedem. Matul il-milja taż-żmien, l-umanità kkomunikat dejjem u fuq quddiem nett permezz tal-kultura. L-importanza tagħha kienet, għadha, u tibqa’ essenzjali. Hija l-aqwa espressjoni fiżika, mitkellma, miktuba, jew magħmula bejn il-bnedmin,” tenna Micallef.

“Semmajna leħinna bħala Aġenzija, imma jien ukoll personalment”

Intant, fuq il-midja soċjali kemm-il darba rajna lil Jason Micallef jesprimi tħassib dwar ċerti deċiżjonijiet li ttieħdu f’dak li għandu x’jaqsam mar-restrizzjonijiet f’pajjiżna minħabba l-pandemija, fejn kien fuq quddiem nett biex jiddefendi s-settur kulturali u kien wieħed minn tal-ewwel biex jesprimi din il-perplessità. 

Mistoqsi jekk għadux tal-istess fehma, Micallef wieġeb: “Iva. Dan għamiltu meta l-affarijiet kienu qed jiċċaraw ferm aktar wara l-ewwel sena tal-pandemija, bil-vaċċinazzjoni tieħu r-ritmu qawwi tagħha bil-każijiet dejjem neżlin ’l isfel u taħt kontroll. Hawnhekk ħassejt li t-tbatija finanzjarja, u anki n-nuqqas serju ħafna ta’ xogħol għall-artisti, kif ukoll in-negozju kollu fil-Belt Valletta, li f’waqt minnhom kien baħħ, kellu jiġi indirizzat bil-galbu, u skont ma kienu qed juru n-numri tal-każijiet. Kien għalhekk li konna minn tal-bidu nett li semmajna leħinna bħala Aġenzija, imma wkoll jien personalment. Sħaqna fuq l-importanza, li b’kawtela, imma b’rieda tajba, nerġgħu nagħtu lura l-ħajja ekonomija, soċjali u kulturali lill-Belt Valletta. Dan hu xogħolna wara kollox. Għamilnieh b’suċċess qabel l-2018 u determinati li nkompluh aktar minn qatt qabel issa li resqin lejn iż-żmien li nieħdu ħajjitna lura għan-normal.”

Ekonomija

Sport