Friday, April 19, 2024

Estiż is-servizz tat-trasport għall-anzjani, Silver-T

Aqra wkoll

Is-servizz tas-Silver-T, li huwa servizz li jipprovdi trasport b’xejn lill-anzjani ’l fuq minn 60 sena u li għandhom bżonn assistenza fil-qadi tagħhom fl-istess lokalità, mil-lum se jkun estiż.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li dan is-servizz se jkun qed jiġi estiż biex ikopri wkoll il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, li hija l-20 lokaltità li se tkun qed toffri dan is-servizz. Is-servizz jinkludi l-inħawi tal-Qawra, Buġibba u x-Xemxija.

“Permezz ta’ din il-miżura, se nkunu wettaqna 90 fil-mija tal-mizuri mressqin fil-budget għal din is-sena u fil-ġimgħat li ġejjin, se nkunu qed inwettqu l-aħħar miżura, biex il-Ministeru jkun wettaq il-mizuri kollha li kellu jwettaq,” ħabbar il-Ministru Farrugia. 

Il-Ministru Michael Farrugia qal li d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jirċievi iżjed minn 700 telefonata fix-xahar biex l-anzjani jibbenifikaw minn dan it-trasport fil-lokalitajiet rispettivi.

“Barra minn hekk, id-Dipartiment qed jaħdem biex jestendi s-servizz fuq bażi nazzjonali,” qal il-Ministru Michael Farrugia.

Dan is-servizz jopera mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7.00am sas-2.00pm u jipprovdi faċilità ta’ trasport lil dawk il-persuni anzjani li jixtiequ jmorru postijiet bħall-bank, is-suq, il-klinika, il-kunsill lokali u diversi postijiet oħra li jeħtieġ il-klijent mid-dar tiegħu għal postijiet oħra fl-istess lokalità.

Anzjani interessati biex jibbenifikaw minn dan is-servizz għandhom jibbukkjaw mhux aktar tard minn jumejn qabel u mhux aktar kmieni minn tlett ijiem qabel, fuq in-numru tat-telefon 21 695544. 

Il-ħinijiet tal-call centre huma l-istess bħall-ħin li fih jaħdem dan is-servizz. Għal aktar informazzjoni fuq dan is-servizz wieħed jista’ wkoll iżur is-sit elettroniku www.activeageing.gov.mt.

Sport