Ħaġa tajba li matul is-snin baqgħu jsiru sforzi mill-awtoritajiet tat-turiżmu biex jiżdied it-turiżmu lejn Malta mill-Istati Uniti u biex jiddaħħlu titjiriet diretti ma’ dak il-pajjiż. Li issa l-kumpanija Delta se tniedi titjiriet hekk hu pass inkuraġġanti.
Ma tistax tassumi li l-inizjattiva se tirnexxi. Kien hemm żmien meta l-Air Malta kellha uffiċċju New York – żmien ieħor meta titjiriet diretti oħra nbdew u twaqqfu f’qasir żmien. Minn kull esperjenza nittama li tgħallimna kif nimxu aħjar. Anke jekk dan l-aħħar sforz jeħel, għandu jitqies bħala pass ieħor ’il quddiem sakemm vjaġġ bl-ajru bid-dirett lejn l-Amerika isir parti mix-xenarju Malti, żvilupp li jkun ta’ ġid ekonomiku u soċjali kbir.
PRIVATIZZAZZJONI TAL-BANEK
Uħud irrimarkaw li jekk il-Mid-Med inbiegħ 25 sena ilu bi prezz deriżorju lill-HSBC, u llum l-istess bank qed jibiegħ bi prezz “iżgħar” lil bank Grieg, ħafna iċken mill-HSBC, mela l-prezz ta’ 25 sena ilu ma kienx daqstant ċkejken. Tiskanta b’rimarki bħal dawn.
Il-bejgħ tal-Mid-Med kien privatizzazzjoni minn gvern li ried isib flus “kontanti” malajr kemm jista’ jkun u mingħalih li l-isem tal-HSBC se jissarraf f’bonanza ta’ kuntatti ta’ investiment aktar tard. Il-bejgħ tal-HSBC hu riżultat ta’ deċiżjoni strateġika minn bank globali li l-interessi tiegħu f’Malta għandhom piż ta’ nemusa imma jorbtuh f’obbligi internazzjonali vessatorji li jrid jeħles minnhom malajr malajr.
Iċ-ċokon ta’ pajjiżna iwassal għal kundizzjonijiet finanzjarji strambi għall-aħħar meta nipprovaw ninfilzaw is-settur bankarju tagħna fis-suq tal-banek “globali”. Il-privatizzazzjoni tal-Mid-Med kien żball madornali u mhux biss għall-bejgħ doppju bir-ribass tal-bank Malti li rriżultat fih.
EUROVISION
Kellha raġun il-kellliema tal-PN dwar kultura ssostni li Malta m’għandhiex tieħu sehem fil-konkors tal-Eurovision li jmiss jekk Iżrael jipparteċipa – għalkemm ftit jidher li kellha appoġġ mill-partit tagħha. Numru ta’ pajjiżi Ewropej qed jgħidu li se jagħmlu dan għar-raġuni li fl-attakki tiegħu fuq Gaza, Iżrael qabeż kull limitu ta’ kif min imexxi gwerra m’għandux jittrasformaha f’ġenoċidju.
Oħrajn (fosthom il-gvern Malti jekk fhimt tajjeb) mhumiex jaqblu ma’ dil-pożizzjoni. Jargumentaw li l-kultura u d-djalogu m’għandhomx ikunu parti mis-sanzjonijiet li jitpoġġew fuq stat, għax huma l-għodda li biha l-bnedmin jibqgħu jitressqu lejn il-paċi u l-ftehim. Ftit jagħmel sens dan l-argument, jew l-argument l-ieħor li t-tneħħija ta’ Iżrael mill-Eurovision tkun piena mpoġġija fuq iċ-ċittadini tal-pajjiż mhux fuq il-gvern tiegħu. Bħallikieku mhux kull sanzjoni li tista’ titpoġġa fuq pajjiż fl-aħħar mill-aħħar se tolqot liċ-ċittadini tiegħu. Ħaġa kurjuża wkoll kif l-istess argumenti ma jintużawx għar-Russja, li tneħħiet mill-Eurovision wara li attakkat l-Ukrajna.