Sunday, November 24, 2024

“Bl-emenda li se nkunu qegħdin niddibattu għada mhux se jiġi legalizzat l-abort”

Il-PM jisħaq dwar il-bżonn li dan il-gvern jibqa’ jindirizza n-nuqqasijiet li hemm fil-liġi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Bl-emenda li se nkunu qegħdin niddibattu għada mhux se jiġi legalizzat l-abort”. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt intervista fuq One Radio. Abela qal li kulħadd għandu dritt li jesprimi l-pożizzjoni tiegħu, iżda ħadd m’għandu dritt li jipprova jiġġustifika l-oppożizzjoni tiegħu għal din l-emenda billi jgħawweġ il-fatti u jdaħħal il-biża’ biex jiġġustifika l-le tiegħu.

Il-Prim Ministru spjega li din l-emenda nibtet mill-każ ta’ Prudenti ftit tax-xhur ilu fejn għall-ewwel darba ġiet senjalata anomalija ta’ ċirkostanza fejn ħajjet l-omm titqiegħed f’periklu minħabba kumplikazzjonijiet mediċi waqt it-tqala u f’pajjiżna rajna bħal vacuum fil-liġijiet tagħna ta’ x’inhi s-sitwazzjoni legali korretta. Huwa kkjarifika li mill-fatti li jinsab infurmat minnhom li fl-ebda stadju ma rriżulta li l-ħajja tagħha kienet fil-periklu. Kompla biex jikkwota l-konvinzjoni Ewropea li tgħidlek li l-omm għandha dritt li f’ċirkostanza fejn ħajjitha tkun f’periklu għandha dritt illi tgħix.

“M’aħniex b’xi mod qed inneħħu mil-liġijiet li għandna f’pajjiżna li jagħmlu l-abort illegali. Dawk il-liġijiet kienu qegħdin hemmhekk, għadhom u se jibqgħu hemmekk. Iżda f’sitwazzjoni fejn ħajjet l-omm tkun f’riskju jew saħħitha tkun f’periklu gravi, se jkollok l-introduzzjoni ta’ din iċ-ċirkostanza li dik il-prassi li kienet titwettaq fl-Isptar tagħna, issa se jkollok l-eżenzjoni ċara mir-responsabbiltà kriminali li tingħata kemm lit-tobba u lill-omm”, spjega Abela. Il-Prim Ministru qal li l-poplu ta l-fiduċja kbira tiegħu b’mandat daqstant b’saħħtu lil dan il-gvern biex ikompli jindirizza n-nuqqas li hemm fil-liġijiet tagħna bl-emendi li hemm bżonn.

Jibqa’ jappella għal deċiżjoni fl-interess Nazzjonali

Rigward id-diskors tiegħu fil-parlament dwar il-ħatra tal-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika fejn huwa spjega fid-dettal dwar il-proċess, il-Prim Ministru qal li fl-Oppożizzjoni ma nbidel xejn mill-istess attitudni li beda biha fl-ewwel xhur tal-2020. Sostna li hu mexa ’l quddiem b’żewġ eks membri tal-ġudikatura li huma magħrufin għall-mod ta’ kif qdew tajjeb id-dmirijiet tagħhom għal medda ta’ snin kemm bħala avukati kif ukoll bħala membri tal-ġudikatura. Sostna li l-Oppożizzjoni l-ewwel qalet iva, imbagħad dawret fehmitha, iżda s’issa għadha ma tatx raġuni għala u din tista’ titqies bħala konferma li diffiċli li ssib raġuni għalfejn topponi. Spjega li hemm żewġ għażliet. Jew li jkollok kariga battala u oħra li għalkemm mhijiex battala, għandek terminu li ilu skadut għal snin twal li jew li jinħoloq qafas legali li jilqa’ għal meta jkollok n-nuqqas tal-kunsens taż-żewġ terzi tal-Kamra. 

Il-Prim Ministru kien ċar li min-naħa tiegħu mhux se jkun qiegħed jakkuża lill-Oppożizzjoni b’xi forma ta’ U-turn jekk kemm-il darba din tasal biex tivvota favur l-eks Prim Imħallef Azzopardi għal din il-kariga għax f’dan il-każ tkun waslet biex timxi dwar il-pożizzjoni oriġinali tagħha. Madanakollu huwa qal li ma nistgħux nibqgħu b’uffiċċju ta’ Kummissarju tal-Istandards li jibqa’ ma jiffunzjonax u għalhekk hemm bżonn li jiġi introdott dan il-mekkaniżmu ta’ antideadlock. Fakkar li l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien favur il-kunċett ta’ dan il-mekkaniżmu snin ilu.

“Sfortunatament għad għandna Oppożizzjoni li għaliha l-qafas demokratiku tagħha jfisser li jew tgħaddi tagħha jew xejn, saħansitra wara li tkun qablet miegħek mod ieħor. Minkejja li aħna b’mod leġittimu għandna mandat daqstant b’saħħtu, m’għandna qatt li għandna ngħaddu romblu minn fuqha u għalhekk hemm bżonn li fejn ikun hemm bżonn jiskatta dan il-mekkaniżmu biex finalment jirbaħ il-pajjiż”, tenna Abela.

Nipprovdu l-għodod biex nixprunaw is-suq

Waqt li tkellem dwar l-inawgurazzjoni ta’ iżjed investimenti fosthom dak tal-MDB, il-Prim Ministru qal li anke dwar dan il-bank, l-Oppożizzjoni kienet opponiet anke forsi għax ma kinitx fehmet il-funzjoni ewlenija tiegħu. Sostna li dan il-bank, f’mument ta’ kriżi n-negozji jkollhom bank partikolari li jista’ jipproteġihom.

Dwar l-ekonomija, il-Prim Ministru sostna li qatt ma tista’ tgħid li għamilt biżżejjed jew li wasalna, għax f’dak il-mument tkun qiegħed tixtri l-garanzija tal-istaġnar u l-falliment. Tenna li din l-attitudni li qatt ma għamilna biżżejjed li wasslet għal istituzzjonijiet kbar ta’ rating li jkomplu jbassru li l-ekonmija se tkompli tiżboq lil dik ta’ pajjiżi oħra Ewropej.

Rigward il-konferenza ġenerali tal-Partit Laburista, Abela qal li din ikkonfermat kemm il-Partit Laburista huwa katalista tal-bidla f’pajjiżna. Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li pparteċipaw f’dik il-ġimgħa ta’ ħidma, tenna l-messaġġ tiegħu li dan il-partit lest biex jilqa’ l-ideat tajbin ta’ kulħadd. Stieden lil kull min jemmen li għandu ideat tajbin għal pajjiżna biex jersaq bihom biex dawn ikunu jistgħu jitpoġġew fuq mejda u tiġi diskussa t-triq ’il quddiem għall-aħjar ta’ pajjiżna.

Qal li n-nies qegħdin isibu s-serħan il-moħħ għax hawn gvern li minkejja li qiegħed jaffaċċja sfidi li mhumiex żgħar, qiegħed fi stadju li kollettivament jasal biex jindirizza dawn l-istess sfidi.

Ma tistax tibqa’ tiġi aċċettata l-attitudni patrijarkali

Rigward il-qtil ta’ Bernice, il-Prim Ministru qal li ntqal ħafna iżda li huwa ċert huwa li l-istat, il-pajjiż u s-soċjetà ma għamiltx dak kollu li kellu jsir. Sostna li saru riformi kbar tul il-medda taż-żmien biex tiġi reżistita kemm jista’ jkun il-problema tal-vjolenza domestika, iżda ġaladarba kellna mewta oħra jfisser li baqa’ ħafna xi jsir. Tkellem dwar l-introduzzjoni tar-reat tal-Femiċidju fejn b’emenda leġiżlattiva, b’kunċett ġdid f’suġġett sensittiv u l-aċċess għall-fedina penali tal-parti l-oħra f’relazzjoni. Din tal-aħħar se tkun struttura li tiżgura kemm jista’ jkun li dak li jkun ikun jaf sew il-passat tal-persuna l-oħra li jkun se jidħol f’relazzjoni magħha. 

Il-Prim Ministru ma naqasx milli jikkundanna l-atteġġjament tal-pubbliku fil-konfront tal-ġurnalista sportiva Joanna Camilleri wara li din sfat fil-mira ta’ kummenti sessisti u dispreġjattivi. Sostna li l-attitudni ta’ kull wieħed u waħda minnha fis-soċjetà hija kruċjali u li jekk se tibqa’ tiġi aċċettata attitudni patrijarkali li tħares lejn il-mara bħala oġġett se jibqa’ jkun hawn nuqqas minkejja titjib fil-funzjoni tal-istat.

Sport