Friday, November 15, 2024

“Bl-intervent tal-Gvern ma nħassx l-effett fuq il-prezzijiet tal-enerġija f’pajjiżna”

Il-Professur Philip von Brockdorff

Aqra wkoll

L-effett fuq il-prezzijiet tal-enerġija u fjuwil f’pajjiżna ma nħassx minħabba l-intervent f’waqtu tal-Gvern li sewa miljuni ta’ ewro. F’dan l-isfond, wieħed irid iqiegħed fuq il-miżien dawk il-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi li kieku l-intervent ma’ seħħx. Madankollu, hu ċar li l-pressjoni biex l-ekonomija tkompli tikber b’rata aċċellerata qed tiżdied. 

Il-professur u ekonomista Dr Philip von Brockdorff stqarr dan meta mitlub minn talk.mt jikkummenta dwar id-dokument ta’ qabel il-budget li kien pubblikat ftit ġimgħat ilu.

Il-Professur von Brockdorf qal li d-dokument ta’ qabel il-budget qed iħares ‘il quddiem f’mument ta’ inċertezza ekonomika u tensjoni minħabba l-gwerra fl-Ukrajna u l-konsegwenzi li ġabet magħha. U hawn fejn id-dokument ta’ qabel il-budget jassumi rilevanza straordinarju f’mument ta’ sfidi straordinarji. 

Fid-dokumenti hemm linji ġenerali li kompressivament huma mmirati biex jiġġeneraw attività ekonomika u koeżjoni soċjali. Tista’ tgħid li d-dokument ta’ qabel il-budget ikompli fejn ħalla ta’ qablu bid-differenza li l-Gvern qed jikkommetti ruħu għal intervent straordinarju ieħor fis-swieq tal-enerġija u fjuwil u dan bl-istess għan li ma joħloqx xokkijiet ekonomiċi u soċjali fil-pajjiż.

Dan hu pass għaqli għax biex il-Gvern idaħħal id-dħul biex ikompli jiffinanzja l-benefiċċji soċjali u l-ispiża dejjem tikber fuq is-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll fuq programmi u inizjattivi ġodda, hu indispensabbli li l-ekonomija tiġġenera d-dħul mit-taxxi u mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. 

Id-dħul minn dawn iż-żewg sorsi kiber wara li ħriġna mill-pandemija u minkejja l-isfidi kbar li ġabet magħha l-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa. Dan jiġġustifika l-mudell ta’ tkabbir ekonomiku li qed iħaddem il-Gvern. 

Irrid nippreċiża li qed nitkellmu fuq mudell ta’ tkabbir ekonomiku u mhux mudell ekonomiku. Il-mudell ekonomiku hu dak ibbażat fuq is-suq fejn gvernijiet jintervjenu meta s-suq iwassal għal effetti negattivi ghall-konsumaturi u negozji. Mudell ta’ tkabbir ekonomiku hi għazla li l-gvernijiet u s-soċjetà ċivili (fejn jitħallew) jieħdu biex l-ekonomija tikber.

U naħseb hawn fejn wieħed jista jikkritika lill-Gvern għal xi għażliet li qed iwasslu biex l-ekonomija tkompli tikber bir-ritmu li qed tikber (l-ogħla fl-Unjoni Ewropea).

Nistqarr madankollu li dawk li jikkritikaw il-mudell ta’ tkabbir ekonomiku li jitħaddem bħalissa qed jinsew l-obbligi soċjali, legali u amministrattivi li qed iġorr il-Gvern u obbligi oħra bħall-ftehimiet kollettivi fis-settur pubbliku. Dawn kollha ġew onorati minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija u l-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna. 

Mhux biss. Il-Gvern introduċa wkoll skemi ta’ għajnuna għan-negozji f’setturi milquta mill-effetti tal-gwerra. Dan kollu x’aktarx ma kienx ikun possibbli kieku f’dawn l-aħħar snin il-Gvern għażel mudell ta’ tkabbir ekonomiku li ma jistrieħx fuq setturi ekonomiċi stabbiliti bħat turiżmu  kif ukoll is-settur tal-bini u propjeta li jiġġeneraw dħul sostanzjali minn VAT u taxxi oħra.

Kif mistenni d-dokument ta’ qabel il-budget jirreferi għall-isfidi tal-għoli tal-ħajja liema għoli qed jaffettwa kemm lill-konsumaturi u lin-negozji. Huwa evidenti li l-għoli tal-ħajja se tibqa’ fl-2023 u għalhekk il-Gvern se jerga’ joħroġ mijiet ta’ miljuni biex il-prezzijiet tal-enerġija u fjuwil jibqgħu stabbli. 

Minkejja dan, naħseb li wasal iż-żmien biex għall-prodotti tal-ikel il-konsumatur ikun protett aħjar permezz ta’ preżenza aktar numeruza ta’ retail outlets fis-suq Malti. 

Is-sitwazzjoni preżenti fejn għandek numru ristrett ta’ operaturi/importaturi jista’ jwassal għal dominju fis-suq Malti tal-ikel u prodotti ohra li jintuzaw kuljum. Hu minnu li hemm ġustifikazzjoni għal żidiet fil-prezzijiet bħall-għaġin u sunflower oil iżda l-awtoritatjiet kompetenti għandhom jiżguraw li n-numru ristrett ta’ operaturi ma jwassalx għal żidiet aktar minn dak li huwa ġustifikati. 

Fl-opinjoni tiegħi, id-dokument ta’ qabel il-budget seta’ saħaq fuq dawn il-punti biex iserraħ ras il-konsumaturi fuq sitwazzjoni li tista’ twassal biex familji jġorru piżijiet akbar minn dak li hu ġġustifikat.

Ekonomija

Sport