Sunday, June 22, 2025

‘Bl-isport ikollok ħajja aktar b’saħħitha kemm fiżika u anke mentali’ – Carmen Hili

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Bdejt b’kurżitá u bi prova u qatt ma ħsibt li se nibqa’ għaddejja sal-lum. Issa ili niġri madwar 27 sena. Inħobb niġri distanzi twal bil-maratona tkun id-distanza favorita tiegħi.

Fil-ġimgħat li għaddew ħadt sehem b’suċċess fil-Maratona ta’ Seville. Agħtina iktar dettalji.

Din kienet it-tieni sena konsekutiva tiegħi li għamilt il-Maratona ta’ Seville. Irnexxieli nikseb l-aħjar ħin f’dawn l-ahhar tliet snien, għax għamilt għaxar snin nieqsa milli nagħmel maratoni minħabba injury u ma stajtx nittrenja fit-tul.
Għamilt ħin ta’ 3hrs 11mins 08 u rnexxieli nikseb ir-raba’ post fl-age category tiegħi u nagħmel rekord nazzjonali.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

L-aħjar riżultati tiegħi kienu fil-Malta Challenge marathon fejn irbaħtha seba’ darbiet bl-aħjar ħin ikun dak ta’ 2:52’49”. Il-Malta Marathon irbaħtha seba’ darbiet, bl-aħjar ħin ikun dak ta’ 2:56’40”. Il-Maratona ta’ Pariġi fejn ksibt l-aħjar ħin li kien dak ta’ 2:56’35”. Seville Marathon National record +50 age category 3:12’57” u Track races, 3km u 1500m National record +50.

Matul il-karriera tiegħi, irnexxieli nirbaħ diversi tlielaq fit-triq li jiġu organizzati minn klabbs differenti fosthom 5km,10km, D10, M2S u half marathon.
Ħadt sehem ukoll f’diversi tlielaq fil-muntanji.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Jien naħseb li bħala livell għola ħafna. Dejjem hemm fejn jitjieb imma meta tħares lejn ir-riżultati tal-Logħb tal-Pajjiżi ż-Żgħar u riżultati oħra barra minn Malta kien hemm riżultati tajbin ħafna.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Jien naħseb li tjiebu ħafna għax meta nisma’ esperjenzi ta’ atleti antiki kif kienu jittrenjaw, illum il-ġurnata huma ħafna aħjar. Nixtieq li kieku jkollna toroq aktar siguri għalina li nagħmlu ħafna taħriġ fihom.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Nixtieq li nibqa’ nieħu sehem kemm Malta u anke barra min xtutna, nipprova nagħmel ħinijiet tajbin fil-kategorija tal-veterani u nibqa’ nieħu gost niġri. U forsi nkun ta’ eżempju għal ħaddiehor li jixtieq jibda jiġri.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Jien nemmen li bl-isport ikollok ħajja aktar b’saħħitha kemm fiżika u anke mentali. L-atletika huwa sport li m’hemmx etá meta tibda. Se jkun hemm mumenti diffiċli speċjalment meta tkun għaddej tajjeb u tweġġa’ u jkollok tagħmel żmien li ma tkunx tista’ tigri. Qatt taqta’ qalbek, ibqa’ emmen fik innifsek u ħares dejjem ‘il quddiem!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport