Se jkunu Clayton Castaldi u Ivan Rizzo li se jikkontestaw il-finali tal-kampjonat nazzjonali tal-Blackball meta lbieraħ rebħu s-semifinali rispettiva tagħhom.
Castaldi għeleb lil Mevrick Zammit bl-iskor ta’ 9-4 f’logħba li laħqet il-qofol tagħha lejn l-aħħar. Sal-ewwel parti, Zammit beda jlaħħaq mal-avversarju tiegħu fejn saħansitra kien hemm mument fejn l-iskor kien 3-3. Madankollu Castaldi ddomina t-tieni parti tal-konfront u dan ikkontribwixxa għar-rebħa finali.
Min-naħa tiegħu, Ivan Rizzo għeleb liċ-champion renjanti Scott Muscat 9-5. Anke din it-tieni semifinali kienet waħda interessanti b’Muscat li baqa’ jirrispondi għal-logħob ta’ Rizzo bl-iskor ħin minnhom li kien 5-5.
Madankollu l-esperjenza ta’ Rizzo kienet determinanti għal dan ir-riżultat finali.
B’hekk Clayton Castaldi u Ivan Rizzo se jkunu qed jikkontestaw il-finali t’għada li tintlagħab fil-Juventus Club Vero Amore u tibda fis-7.30pm.