Monday, December 9, 2024

Blackball: Il-Maltin jirbħu l-ewwel żewġ midalji tad-deheb wara r-rebħ ta’ żewġ finali

Aqra wkoll

Jake Castaldi u Dielyn Edwards saru ċ-champions tad-dinja tad-doubles fil-kategorija ta’ taħt il-15-il sena meta fil-finali għelbu lill-Irlandiżi Marcel Kusa u Riley Patterson 6-5.

Kienet logħba ferm emozzjonanti fejn minkejja Castaldi u Edwards kienu għal ħafna mid-drabi fil-vantaġġ bl-Irlandiżi li qatt ma qatgħu qalbhom u baqgħu wara l-avversarji tagħhom. Minkejja kollox, il-koppja Maltija baqgħet konċentrata sabiex kisbu s-suċċess mixtieq.

Suċċess kbir ieħor inkiseb fil-Masters Doubles meta l-koppja Maltija Jesmond Schembri u Christ Mills għelbu lill-Ingliżi Martin Hazell u Graeme Witton 6-5. Anke hawn il-Maltin għamlu xi ħin minn taħt iżda ż-żewġ plejers xprunati mis-sapport tal-folla Maltija rnexxielhom idawru l-iskor favurihom u eventwalment jieħdu l-logħba.

Fil-kategorija individwali, Lydan Debono wasal sal-finali wara li għeleb lil Shaun Sharky 8-6 u lil Dan Harris 9-5.

Jake Castaldi kellu ġurnata pożittiva meta wasal ukoll fil-finali tas-singles ta’ taħt il-15-il sena wara rebħa kbira ta’ 6-1 kontra Jack Hull mill-Irlanda ta’ Fuq.

Il-ġurnata perfetta Maltija spiċċawha t-tim tal-irġiel li f’logħba emozzjonanti għelbu lill-Ingliżi 13-12 sabiex baqgħu jżommu l-ogħla pożizzjonijiet fil-klassifika tal-grupp tagħhom.

Ekonomija

Sport