It-tielet ġurnata ta’ logħob mill-kampjonat Ewropew tal-Blackball li qed isir fil-lukanda Dolmen f’Buġibba kienet riservata l-aktar għall-kompetizzjonijiet individwali fejn diversi plejers Maltin għaddew ukoll għar-rounds suċċessivi.
Madankollu kompla l-logħob tat-timijiet fejn iż-żewġ timijiet tal-Men’s B kienu fl-azzjoni fejn wara telfa ta’ 12-9 kontra l-Ingilterra, kien hemm żewġ rebħiet ta’ 11-10 kontra l-Olanda u 12-9 kontra l-Iskozja.
Fil-kategorija tal-Grandmasters, it-tim Malti rebaħ lill-Belġju 19-6 u lill-Franza 13-12 għalkemm tilef kontra Wales u l-Iskozja b’punteġġ ta’ 13-12 u 15-10 rispettivament.
In-nisa Maltin irnexxielhom jirbħu 15-10 lill-Ġibilta’ f’logħba ferm pożittiva filwaqt li t-tim ta’ taħt it-18-il sena ġie megħlub mill-Ingilterra 14-11.
Finalment it-tim ta’ taħt il-15-il sena rebaħ lill-Irlanda ta’ Fuq 8-7 għalkemm tilef kontra l-Ingilterra 10-5 u kontra Wales 12-3.
Filgħaxija t-tim tal-irġiel A għeleb lill-Iskozja 14-11 sabiex kompla jżomm ir-ritmu f’din il-kompetizzjoni.