Saturday, May 18, 2024

Jibda l-Malta International Darts Open bil-kompetizzjoni tad-doubles

Aqra wkoll

Ilbieraħ beda uffiċjalment il-Malta International Open li qed isir fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop bil-kompetizzjoni tad-doubles.

Fil-fatt żewġ koppji Maltin Albert Scerri u Enrico Scerri kif ukoll Alfred Muscat u Alfred Zaffarese irnexxielhom jaslu sal-fażi tal-aħħar sittax.

Il-koppja Scerri għelbet lill-Franċiżi Stephane u Sacha Cavalin 4-0, lill-Ingliżi Cliff Prior/Frankie Pedlow 4-1 u lill-Maltin David u Norbert Attard 4-3. Huma sfaw eliminati minn Philip Van Gasse u Brian Woods 4-3 minkejja wirja mill-aqwa fejn kienu ferm żvinturati li m’avvanzawx aktar ‘il quddiem.

Min-naħa l-oħra, Alfred Muscat u Alfred Zaffarese kisbu rebħiet fuq il-Maltin Chris Bailey u Tom Frederikx 4-0, lill-Iskoċċiżi Ryan McClaey u Robert Pluck 4-2 u lill-Ġermaniżi Frank Voscamp u Sebastian Wigmann 4-1. Huma ġew eliminati mill-koppja Ingliża Doug Thoubourn u Ryan Branley 4-0.

Ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni doubles tal-irġiel kienu l-Ingliżi Scott Walters u Richard North li għelbu lil Philip Van Gasse u Brian Woods 4-3.

Fil-kategorija tad-doubles tan-nisa, il-koppja Pauline Tonna u Audrey Gauci irnexxielha tasal sal-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni. Huma rebħu lill-Ingliżi Maria Bower u Hazel Letcher 4-1 għalkemm imbagħad tilfu bl-istess skor kontra l-Iskoċċiżi Jacqueline Dempster u Angela Isbister. Eventwalment dawn tal-aħħar rebħu din il-kompetizzjoni wara li fil-finali għelbu lil Marjolein Noijens u Tracy North 4-2.

Sport