Sunday, November 24, 2024

Blackball: It-timijiet Maltin jibdew bil-kbir

Aqra wkoll

It-timijiet nazzjonali Maltin tal-blackball kisbu riżultati ferm pożittivi fl-ewwel ġurnata tal-kampjonat Ewropew tal-Blackball li qed isir fil-lukanda Dolmen f’Buġibba.

Fl-ewwel riżultati li kellna, it-tim Malti tas-seniors għelbu lill-Irlanda bl-iskor ta’ 18-7, filwaqt li l-Irġiel A għelbu lill-Olanda 14-11.

Fil-kategorija Masters ta’ ‘l fuq minn 50 sena, il-Maltin kisbu rebħa komda ta’ 21- 4 kontra Ġibilta’ kif għamel it-tim ta’ taħt it-23 sena li għeleb l-isfida tal-Irlanda 19-6.

Iż-żgħażagħ Maltin ta’ taħt it-18-il sena urew il-potenzjal tagħhom wara li għelbu lill-Irlanda ta’ Fuq 14-11 għalkemm it-tim ta’ taħt il-15-il sena safa’ megħlub minn Wales 9-6.

F’logħba ferm missielta sal-aħħar, it-tim tan-nisa għeleb lill-Irlanda ta’ Fuq 13-12 sabiex beda bl-aħjar mod possibbli din il-kompetizzjoni.

Finalment it-tim tal-Grandmasters sofra żewġ telfiet, 15-10 kontra l-Iskozja u 13-12 kontra Wales.

Tnax-il pajjiż qed jipparteċipaw f’dan il-kampjonat Ewropew u dawn huma l- Ingilterra, Gibilta’, Skozja, Irlanda, Irlanda ta’ Fuq, Olanda , Ċipru,Wales, Katalunya, Belġju, Franza u sintendi Malta.

Illum tintlagħab it-tieni ġurnata ta’ logħob mill-kategoriji individwali u anke tat-timijiet.

Sport