Tmien plejers għaddew għall-kwarti tal-finali tal-kampjonat nazzjonali tal-Blackball hekk kif ilbieraħ intlagħbu l-logħbiet mill-fażi tal-aħħar 16.
Il-plejer veteran Ivan Rizzo irnexxielu jegħleb lil wieħed mill-favoriti Dejan Grech 7-6 f’logħba ferm interessanti. L-istess skor kien reġistrat minn Ryan Pisani u ċ-champion renjanti Scott Muscat li għelbu lil Lee Grima u Johan Attard rispettivament.
F’logħbiet oħra ferm viċin xulxin, Clayton Castaldi għeleb lil Clint Azzopardi 7-5 filwaqt li Jesmond Schembri kiseb rebħa ta’ 7-4 fuq Lydan Debono bl-istess skor ġie reġistrat fil-logħba bejn Leon Azzopardi u Clint Grima.
Mevrick Zammit u Owen Amato kellhom wirja eċċellenti sabiex għaddew għal mal-aħħar tmienja tal-kompetizzjoni wara rebħa ta’ 7-2 kontra Philip Coleiro u Kevin Schembri rispettivament.
Nhar it-Tnejn jintlagħbu l-kwarti tal-finali filwaqt li t-Tlieta li ġej isiru s-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni. Il-finali hi skedata li tintlagħab nhar il-Ħamis.