Thursday, April 18, 2024

BLAT FID-DELL

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Il-bini tant qed jitħalla jogħla u jitfa’ dellijiet ma’ kullimkien li meta nara x’inhu
jiġri, niftakar fit-titlu ta’ dramm miktub ilu ħafna mill-ħabib tiegħi Lino Farrugia. Kien jismu Blat Bla Dell u biex intellgħuh konna ffabrikajna forom tal-ġablo li kienu ddendlu mis-saqaf tal-palk. Ma niftakarx eżatt x’kienet it-tifsira għal dan imma kienu ħolqu effett sabiħ.

Bil-kontra tat-titlu tad-dramm, se nispiċċaw bil-blat li jifridna mill-baħar kollu
fid-dell tal-bini twil tiela’ fil-qrib tiegħu. Waqt li ilmenti u protesti ma jieqfux, ftit jidher li qed ikollhom effett fil-prattika. Il-bini dieħel kullimkien, mhux biss lejn il-baħar u l-widien imma wkoll fiċ-ċentri tal-irħula fejn qed jeqred kważi għalkollox il-karattru tradizzjonali tagħhom.

Ħabib tiegħi jemmen li l-unika ħaġa li tista’ twaqqaf dil-bidla hi riċessjoni
ekonomika qawwija, li żgur ħadd ma jrid. Hu x’inhu, il-waqfa li tista’ ġġib, igħidli, ma tantx isservi għax tkun temporanja. Malli titjieb il-kliem ekonomika kollox jerġa’ jibda.

Daqstant hi kbira r-rassenjazzjoni waqt li d-dell jibqa’ jixtered mal-blat.

GWERRA

Il-gwerra fl-Ukrajna qed tindara. Ta’ spiss ma tkunx fuq il-quddiem tal-
aħbarijiet u s-sens ta’ xokk naqas sew. Ħafna jsibu komfort fil-ħsieb li hemm bosta refuġjati Ukreni li sejrin lura f’pajjiżhom.

Imma n–nies għadhom qed jinqatlu u d-distruzzjoni għadha qed tinfirex. Lanqas jidher li hemm wisq prospetti ta’ negozjati serji lejn xi ftehim.

Il-periklu f’li gwerra titwal u tindara hu li t-taħsir li ġġib magħha jikber bla ma
wisq jiġi nnotat … sakemm jisplodi fi kriżijiet soċjali u diplomatiċi b’effetti negattivi ta’ impatt anke dinji. L-istess kien ġara fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor bil-gwerra tal-Vjetnam.

IL-MIGRAZZJONI

L-Unjoni Ewropea permezz tal-Kummissjoni qiegħda tabbozza aġġornament
sħiħ ta’ dik li tista’ ssir politika komuni għall-immigrazzjoni legali lejn l-Ewropa. Fi żmien meta l-immigrazzjoni “irregolari” l-aktar li tissemma biex toħloq kontroversji, inizjattiva bħal din tagħmel sens. Aktar u aktar għax fl-Unjoni Ewropea jonqsu ħaddiema ta’ ċertu tip waqt li qed jikber l-iżbilanċ bejn anzjani u żgħażagħ fil-popolazzjoni Ewropea.

Li dejjaqni fil-proposti li qed isiru hu li l-immigranti qed jitqiesu l-aktar mil-lat ekonomiku, bħala nies li jistgħu jimlew il-ħofor ta’ impjiegi meħtieġa.

Imma persuna mhijiex biss aġent tax-xogħol. Għandha wkoll l-aspirazzjonijiet tagħha għal ħajja tajba li mhumiex biss ekonomiċi.

Laqatni l-fatt li bl-ebda mod ma tissemma l-migrazzjoni ta’ familji. Issa
niftakar li fl-iskemi “tal-antik” għall-migrazzjoni lejn l-Awstralja jew il-Kanada, parti sostanzjali tal-proċeduri kienu jinvolvu mhux immigranti waħidhom, imma bil-familja tagħhom. Hemm xi ħaġa li ma ddoqqlix fil-biċċa.

Ekonomija

Sport