Friday, July 11, 2025

Bon Giovi jħallu marka fuq Malta – mhux biss bħala tribute band – imma bħala grupp ta’ mużiċisti li jġorru magħhom il-ġenwinità, il-passjoni u l-vera spirtu ta’ Bon Jovi

Aqra wkoll

Lejla ta’ enerġija, mużika ikonika u nostalġija. Dawn huma l-kliem li jistgħu jiddeskrivu l-kunċert spettakolari li ttella’ fl-10 ta’ Lulju li għadda fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali fl-okkażjoni tal-Farsons Beer Festival fejn il-tribute band internazzjonali Bon Giovi litteralment ħakmet il-palk f’avveniment uniku. 

Dan il-kunċert ma kienx biss festa ta’ rock mill-aqwa, iżda wkoll tiġdid ta’ mużika ċelebri li ma tmut qatt tal-kantant oriġinali Jon Bon Jovi.

Bon Giovi daħlu fuq il-palk b’karizma eċċezzjonali u daqqew għadd ta’ diski li ċertament ħadd ma nesa, fosthom It’s My LifeAlwaysWanted Dead or Alive u naturalment Living on a Prayer.

Ta’ Qali ħa l-ħajja fi pjazzetta mimlija emozzjoni, kant mill-folla, u bosta memorji li bdew jiċċirkolaw fuq il-midja soċjali sa minn dak il-lejl.

Għal min għadu ma jafhomx, Bon Giovi hija l-aktar tribute band magħrufa fid-dinja għall-mużika tal-leġġendarja ta’ Bon Jovi. Magħrufa għall-preċiżjoni tagħhom, l-enerġija fuq il-palk u l-fedeltà lejn is-sound oriġinali, il-band ilha tagħti spettakli minn Diċembru tal-1998 u tiċċelebra aktar minn 25 sena ta’ esperjenza. Huma jagħmlu madwar mitt spettaklu fis-sena u żaru aktar minn 29 pajjiż madwar id-dinja – fosthom f’din ir-raba’ żjara f’Malta.

Fuq quddiem nett hemm Lee Tomkins, meqjus bħala l-aqwa impersonator ta’ Jon Bon Jovi fir-Renju Unit.

F’intervista li dan il-ġurnal għamel mal-membri tal-band, dawn qalu ċar li għalihom dan l-istil mhux biss mużika, iżda stil ta’ ħajja. “Aħna tribute band – mhux il-vera Bon Jovi – imma nġorru l-istess passjoni għal din il-mużika,” qal wieħed mill-membri. Huma spjegaw kif kibru jħobbu l-mużika ta’ Bon Jovi u kif, għalihom, il-kanzunetta It’s My Life tissimbolizza l-messaġġ li jġorru kull lejl fuq il-palk: Fil-fatt, Tomkins jgħidilna, “għix il-ħajja tiegħek bis-sħiħ u gawdi kull mument.”

Iżda min inkoraġġihom biex isiru tribute act ta’ Bon Jovi?
Hu jgħid li dak iż-żmien, it-tribute bands lanqas kienu teżistu, barra dawk iddedikati lil Elvis. Kien ħabib tiegħu li kera bar għal party u stiednu. Dak iż-żmien, il-ħabib kellu band tiegħu u stiednu jkantalu xi kanzunetti – fosthom ta’ Bon Jovi u Iron Maiden.

“Meta kkantajt, id-drummer dar lejn il-ħabib tiegħi u staqsieh: ‘Dan jista’ jkanta l-ħin kollu d-diski ta’ Bon Jovi?’ U hu wieġbu ‘iva’. Dak il-mument wassal biex jistaqsini jekk kontx interessat ningħaqad miegħu biex nibdew tribute band ta’ Bon Jovi.”

Illum, 28 jew 29 sena wara, dorna diversi pajjiżi.

U kieku ma kienx jagħmel Bon Jovi – lil min kien jimita?
“Naħseb mużikalment, kont nixtieq inkun bħal Luciano Pavarotti. Però barra mid-dinja tal-mużika, billi jien fanatiku tal-muturi, kont nixtieq inkun bħal Valentino Rossi jew Guy Martin.”

Tomkins għandu gosti mużikali varjati ħafna. Għalkemm qatt ma ltaqa’ ma’ Pavarotti, dejjem kellu rispett kbir għall-vuċi tiegħu: “Kien iħallik bla kliem, kollox kien jidher ħiereġ mill-qalb.”

Iżda liema kanzunetta ta’ Bon Jovi l-iktar li jħobbu jdoqqu live?
“Mingħajr dubju, Livin’ on a Prayer għax ir-reazzjoni tal-folla hija tal-għaġeb. Imma l-kanzunetta favorita tiegħi tagħhom hija Only Lonely, waħda mill-qodma – kollox jiddependi fuq il-burdata.”

“Il-ħajra għal Bon Jovi kienet fija sa minn dejjem. Dejjem nistaqsi lill-udjenza x’jixtiequ jisimgħu – u l-biċċa l-kbira jagħżlu l-antik, li hu perfett għalija għax dak hu li nippreferi wkoll.”

Barra dawk ta’ Bon Jovi, huwa jħobb ħafna Images and Words ta’ Dream Theater, The Unforgiving ta’ Within Temptation, u Operation: Mindcrime ta’ Queensryche.

Fost l-albums ta’ Bon Jovi, iżomm f’qalbu Slippery When Wet u 7800° Fahrenheit – żewġ albums li għalih huma l-qalba tal-ġeneru tagħhom.

Mistoqsija dwar il-futur, wieġbu b’umiltà u determinazzjoni: “F’għaxar snin oħra, nittamaw li nkunu għadna qed indoqqu, għax għalina – il-mużika hi ħajjitna.” Huma wkoll qalu li se jkomplu jdoqqu u jippromwovu l-mużika ta’ Bon Jovi matul l-2025 u lil hinn.

Din kienet ir-raba’ darba li żaru Malta, iżda għall-membri ta’ Bon Giovi, il-gżira tagħna tibqa’ waħda speċjali. “Malta wisq sabiħa – il-gżira, il-post u n-nies. Dejjem ningħataw trattament sabiħ meta niġu hawn għax in-nies għandhom qalb kbira.”. Huma żiedu li f’pajjiżi oħra forsi tiltaqa’ ma’ folla kiesħa jew xi ftit bierda, imma f’Malta dejjem ikollhom esperjenza vibranti u mimlija ħajja – u dan jidher ukoll fil-filmat tal-kunċert li deher fuq il-midja soċjali tal-istess grupp fejn kulħadd kien qed jifraħ u jkanta.

Il-kunċert ta’ Bon Giovi f’Malta kien aktar minn tribute show. Kien lejl ta’ ħbiberija, enerġija, u emozzjoni – lejl fejn il-mużika għenet lill-komunità, fejn il-memorji reġgħu ħadu ħajja, u fejn kulħadd ħassu parti minn xi ħaġa ikbar.

Bon Giovi ħallew marka fuq Malta – mhux biss bħala tribute band – imma bħala grupp ta’ mużiċisti li jġorru magħhom il-ġenwinità, il-passjoni u l-vera spirtu ta’ Bon Jovi. U bħalma jgħid l-aħħar vers tal-kanzunetta famuża tagħhom: “It’s my life… and it’s now or never.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport