Tul din l-aħħar ġimgħa, l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali organizzat bootcamp ta’ sebat ijiem, li ħalla marka li diffiċli titħassar, mhux biss fuqna, iżda fuq 15-il tifel u tifla Ukreni, kollha ġejjin minn bliet u rħula milquta mill-kunflitt devastanti fl-Ukrajna. Din l-inizjattiva, li saret f’kollaborazzjoni diretta mal-Assoċjazzjoni Ukrena tal-Kunsilli Lokali, kienet aktar minn programm ta’ attivitajiet: kienet esperjenza terapewtika, emozzjonali u edukattiva, mibnija fuq l-imħabba, l-empatija u s-solidarjetà.
Dawn it-tfal kollha ġejjin minn żoni affettwati direttament mill-invażjoni Russa. Tnax minnhom tilfu lil missierhom fil-gwerra, xi wħud f’attakki diretti, oħrajn fuq il-linja tal-front tat-taqbida. It-tlieta l-oħra ilhom xhur ma jarawhom, hekk kif missirijiethom għadhom fuq il-kampijiet tal-ġlied. Il-kundizzjoni psikoloġika tagħhom kienet waħda vulnerabbli. Għalkemm ma kinux daqstant inklussivi fl-ewwel jum, għajnejhom u l-atteġġjament tagħhom kienu jitkellmu weħidhom, bi tbissima nieqsa u b’xi wħud minnhom juru sinjali ta’ solitudni u trawma. Dan inbidel aktar m’għadda żmien u urew li lesti għal ftit mumenti jinsew dak li ħallew warajhom.
Mill-mument li wasslu l-arjuport, it-tfal ġew milqugħa mit-tim tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali Ġew ospitati f’lukanda fejn is-serħan, is-sigurtà u l-kura personali kienu prijorità assoluta. Għal ġimgħa sħiħa, il-ħoss tas-sireni u l-biża’ tal-bombi nbidlu f’avventuri, logħob u tbissim.
Fost uħud mill-attivitajiet li kellhom preparati għalihom kien hemm mawra l-Imdina u l-Mużew tal-Istorja Naturali. Belt mimlija storja u misteru. Fit-tour tal-Mużew tal-Istorja Naturali, tgħallmu dwar il-ġeoloġija tal-gżejjer Maltin, u raw skeletri ta’ annimali antiki. Fl-Imdina Experience, raw filmat interattiv dwar il-passat ta’ Malta li għenhom jifhmu kemm pajjiż żgħir jista’ jkollu storja kbira u kif il-qlubija li wrew missirijietna hija wkoll l-istess qlubija li qed juru huma illum f’pajjiżhom.
Attività oħra interessanti kienet żjara fil-fabbrika taċ-ċikkulata. Il-preżentazzjoni dwar il-proċess tal-produzzjoni taċ-ċikkulata ġiet segwita b’sessjoni fejn it-tfal ħolqu prodotti tagħhom., fejn qattgħu mumenti jagħmlu proċessi ta’ tiżjin fuq mudell li ingħata lilhom apposta għall-okkażjoni. Saru żjajjar ukoll f’postijiet ta’ snajja’, bħal; Mdina Glass u Mediterranean Ceramics Hemm ħadu sehem f’żewġ workshops unici. Fl-ewwel wieħed, raw ħġieġ jinħadem fin-nar u jittrasforma f’arti; fil-Mediterranean Ceramics, ġiet spjegata l-arti tal-fuħħar u ħadmu biċċiet tagħhom stess, u ħaduhom magħhom bħala tifkira personali.
L-Aquarium Nazzjonali tahom idea ta’ dinja taħt l-ilma, fejn skoprew ħlejjaq marini, fakkarhom fil-bajjiet u xmajjar ta’ darhom, li llum huma spiss miksija bil-fdalijiet tal-gwerra. Ħafna minnhom kienu sorpriżi u kurjużi, irrimarkaw li kienu qed iħossuhom bħal qegħdin f’film. Ta’ Ġinġell Farm u Petting Farm, kienet esperjenza oħra ġdida għalihom. Esperjenza fil-kampanja b’laqgħa diretta ma’ annimali ħelwin u ħbieb ġodda: żwiemel, ħnieżer, ħrief, baqar u oħrajn. Dimostrazzjoni ta’ sheep shearing kienet waħda mill-aktar popolari, bit-tfal li riedu jippruvaw huma wkoll. Kellhom opportunità wkoll li jirkbu ż-żwiemel, b’sensazzjoni unika. Fiċ-ċentru xjentifiku f’Bighi, ħadu sehem fi provi, esperimenti, u logħob interattiv. Hawn, tgħallmu dwar il-gravità, l-enerġija, u l-kulur fost l-oħrajn filwaqt li kellhom iċ-ċans isegwu dimostrazzjoni minn tim ta’ klieb ta’ ‘search and rescue’, esperjenza edukattiva li ħalliet impatt. Dawra bid-dgħajjes ma naqsitx.
Minn Marsaxlokk setgħu jaraw il-kosta Maltija mill-baħar, xi ħaġa li ħallithom bla kliem, specjalment il-forma dawn il-bajjiet u ilma car kristal kahli., li jiffurmaw il-meravilja tal-Bajja tal-Kalanka u San Pietru, bil-blat għoli. Kien hemm mumenti ta’ kwiet assolut u rilassament. Esperjenza edukattiva u emozzjonali kienet dik ġewwa Mercury Tower, fejn raw video fuq l-istorja ta’ Malta, iżda mbagħad, mill-bejt tat-torri setgħu jaraw parti kbira minn Malta u l-bajjiet li jdawwru ż-żona ta’ San Ġiljan.
Uħud tennew li Malta “tidher paċifika minn hawn fuq”. Ġbid ta’ ritratti ma naqsux għaliex xtaqu ħafna li jaqsmu din l-esperjenza mall-familjari tagħhom lura d-dar. Għamlu ġurnata sħiħa f’Għawdex: iċ-Ċittadella, Ta’ Pinu, ix-xatt tar-Ramla, Ħondoq, Sanap Cliffs fost l-oħrajn. Il-bajjiet kienu post ta’ rilassament.
Speċjali kien il-fatt li waqt il-mawra tagħhom f’Għawdex setgħu jaraw uħud mill-affarijiet li ġew spjegati lilhom fil-mużew tal-istorja naturali. Attivitajiet oħra varjaw minn bowling, ċinema, picnics fil-Buskett, mixjiet mal-cliffs ta’ Ħad Dingli, logħob u żfin fl-ilma.
Lejl ta’ Tislima u Memorja li Tibqa’
Fl-aħħar lejl, waqt il-farewell dinner, kienet esperjenza memorabbli għalina wkoll. Wieħed mit-tfal ippreżenta lill-President tal-Assoċjazzjoni badge ta’ missieru li miet fil-gwerra, li kienet parti mill-uniformi tiegħu, ġest profond u simboliku li ħalla lil kulħadd b’għajnejh imdawwra bid-dmugħ.
Matul din is-serata ġie wkoll iffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni uffiċjali bejn iż-żewġ Assoċjazzjonijiet, Malti u Ukrena, li jinkludi:
• Skambji ta’ żgħażagħ u komunitajiet lokali
• Proġetti edukattivi u kulturali
• Appoġġ lejn ir-rikostruzzjoni lokali f’żoni milquta mill-gwerra
• Kooperazzjoni fit-tisħiħ tad-demokrazija lokali
• Tagħlim tal-lingwa Ingliża
Il-messaġġ ewlieni li ħarġu bih it-tfal kien; “Grazzi talli erġajtu tajtuna l-esperjenza li nħossuna tfal”. It-tbissima tagħhom, mimlija gratitudni, għallmet lilna wkoll, li kull azzjoni tajba tħalli marka li tibqa’, li t-tama ma tmutx, u li meta turi l-imħabba, anke qalb miksura tista’ terġa’ tifraħ. Forsi għal ġimgħa waħda biss, iżda f’dik il-ġimgħa dawn it-tfal esperjenzaw dinja b’għajnejn differenti u forsi raw il-futur li jittamaw għalih.
Bħala President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, jien profondament onorat u kburi b’dak li rnexxielna niksbu flimkien permezz ta’ din l-inizjattiva sinifikanti. Li nilqgħu lil dawn it-tfal Ukreni kuraġġużi f’Malta ma kienx biss ġest ta’ solidarjetà, iżda wkoll prova tal-qawwa li għandhom il-komunitajiet lokali biex idaħħlu dawl fil-ħajja ta’ min għadda minn dlam. It-tbissima tagħhom, ir-reżiljenza u l-gratitudni li wrew laqtuna fil-qalb u fakkru lilna għaliex nagħmlu dan is-servizz. Dan mhux it-tmiem — iżda l-bidu ta’ ħbiberija dejjiema u kollaborazzjoni aktar profonda bejn pajjiżna, mibnija fuq il-kompassjoni, il-paċi u l-umanità komuni.