Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta ta’ etá żgħira kont immur nara lil ħija l-kbir jilgħab bħala goalkeeper mal-klabb ta’ raħal twelidi, Tarxien Rainbows FC. Minn hemm bdejt ukoll nittrenja u nilgħab. Bqajt nilgħab sakemm kelli nieqaf minħabba injury. Minn hemm sibt min ħeġġiġni nibda l-kowċing mat-tfal u bdejt ma’ Melita FC. Minn dak iż-żmien, il-passjoni tiegħi lejn dan l-isport kibret u llum il-ġurnata nista’ ngħid li sar parti kbira u importanti minn ħajti.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala wieħed mill-kowċis ta’ Swieqi United FC.
L-esperjenza tiegħi ma’ Swieqi United FC hija waħda ferm pożittiva. Ġejt wara erba’ staġuni mal-klabb ta’ Tarxien Rainbows FC, fejn wara li wassalna lill-minors għal Sezzjoni A u viċin promozzjoni fit-tim tal-kbar, ma kinitx faċli nerġa’ nibda u noħroġ mill-‘comfort zone’ tiegħi. Biss f’dan il-klabb sibt nies b’viżjoni ċara ta’ fejn iridu jaslu u ċert li Swieqi United FC ħa jkun wieħed mill-klabbs ewlenin f’pajjiżna fil-futur qrib. Sibt ukoll klabb organizzat u magħqud bejn kull kategorija u nissapportjaw ħafna lil xulxin.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda fiċ-Challenge League, fejn għal ftit ma ksibtux il-promozzjoni għall-Malta Premier?
Dan l-istaġun kien wieħed pożittiv ħafna għat-tim tal-kbar, fejn spiċċajna fit-tielet post għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb. L-ikbar sodisfazzjon huwa, li ksibna dawn ir-riżultati mhux biss għax kellna plejers ta’ esperjenza, imma għax utilizzajna wkoll diversi plejers żgħażagħ li saħansitra kienu fundamentali fit-tim tal-kbar. Ksibna wkoll post lura fis-Sezzjoni A għat-tim tal-minors, li turi biċ-ċar il-ħidma bilgħaqal li saret mill-klabb biex inkunu kompetittivi f’kull kategorija. Ċert li fil-qrib ħa naraw lil Swieqi United FC fil-Malta Premier.
U fuq l-eks kowċ ta’ Swieqi United FC, Pablo Doffo?
Pablo Doffo mhux biss huwa kowċ fenomenali iżda huwa wkoll persuna ġenwina ħafna. Jien personalment dejjem sibtu ta’ spalla fl-iskwadra tal-minors u kien iħoss importanza kbira li Swieqi United FC ikunu ta’ suċċess f’kull livell. Ċert li Pablo għandu triq twila u sabiħa quddiemu bħala kowċ, u min jikseb il-firma tiegħu se jkun għamel għażla ferm tajba! Minn hawn nixtieq ngħidlu grazzi tal-fiduċja li dejjem wera fija.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Malta hawn it-talent, m’hemmx dubju! Huma ftit ħafna, iżda, il-plejers żgħażagħ Maltin li qed jingħataw iċ-ċans, u b’hekk qed nitilfu ħafna talent għax jaqtgħu qalbhom u jieqfu. Fejn jidħol kampjonat, il-livell qed jogħla minħabba l-fatt li hawn plejers barranin tajbin jilagħbu fil-kampjonati tagħna. Nixtieq nara iktar plejers żgħażagħ jieħdu opportunitajiet barra minn xtutna fuq livell professjonali. Meta l-plejer jgħix il-futbol b’mod totali, ikun jista’ jilħaq livelli oħra li jkunu anke ta’ benefiċċju sħiħ meta jilagħbu man-nazzjonal.
U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Din hija sfida iebsa ħafna għax Malta hija gżira żgħira u għandna ħafna limitazzjonijiet. Il-problema li nara hi, li kultant ma nibżgħux għal dak li għandna u nitraskuraw biex anke nagħmlu sempliċi manutenzjoni ta’ grawnd. Dan iwassal biex il-grawnd jispiċċa f’kundizzjoni xejn tajba u ta’ riskju għall-injuries. Wasal ukoll iż-żmien li l-istadium Nazzjonali jkollu lill-partitarji iktar viċin il-logħba biex iħossu iktar l-atmosfera. Nemmen li dan jista’ jgħin biex naraw iktar nies jersqu lejn il-grawnd.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Huwa żgur li għadni żghir u fadalli ħafna x’nitgħallem! Biss inħossni sodisfatt b’dak li ksibt sa issa avojla xorta qatt m’hu biżżejjed. Nixtieq inkompli ngħin plejers żgħażagħ joħorġu t-talenti tagħhom. L-għan prinċipali tiegħi huwa dak li nwassal dawn il-players fit-tim tal-kbar u jiddixiplinaw ruħhom anke fil-ħajja personali tagħhom. Għalija l-unur tat-Tazzi jiġi sekondarju f’dan l-istadju.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messagg tiegħi huwa wieħed sempliċi – aħdem u taqta’ qalbek qatt, peró, ibqa’ dejjem umli għax tajjeb kemm int tajjeb, dejjem tista’ tkun aħjar! Meta tħossok li fallejt taqtax qalbek, għax dak huwa parti mis-suċċess li għad ikollok fil-futbol!