Bormla tinbidel f’teatru ħaj għad-disa’ edizzjoni tal-Cospicua Short Play Festival

Aqra wkoll

Fi tmiem din il-ġimgħa, Bormla se tinbidel f’teatru ħaj hekk kif fit-18 u d-19 ta’ Settembru se ssir id-disa’ edizzjoni tal-Cospicua Short Play Festival. Għal jumejn, it-toroq storiċi tal-inħawi ta’ Santa Margerita se jservu ta’ palk għal disa’ produzzjonijiet teatrali, f’attività li tgħaqqad l-arti, il-kultura u l-komunità f’ambjent uniku.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli flimkien mas-Sindku ta’ Bormla, Marco Agius, fil-preżenza ta’ rappreżentanti u parteċipanti involuti fil-festival.

Din is-sena, il-festival se jippreżenta seba’ plays kompetittivi u żewġ produzzjonijiet mistiedna, Esplora u Opening Doors. Il-produzzjonijiet kompetittivi ntgħażlu minn fost 45 script li ġew sottomessi wara sejħa miftuħa għall-awturi. Is-seba’ awturi magħżula mbagħad għażlu d-diretturi, l-atturi u l-gruppi li se jkunu qed jagħtu l-ħajja lix-xogħlijiet tagħhom.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli qalet li inizjattivi bħal din juru r-rwol importanti li għandhom il-Kunsilli Lokali fil-promozzjoni tal-kultura u fit-tisħiħ tal-komunitajiet. “Il-Cospicua Short Play Festival huwa eżempju ċar ta’ kif il-Kunsilli Lokali jistgħu joħolqu spazju għall-artisti Maltin, filwaqt li jġibu l-kultura eqreb lejn il-komunità u jagħtu ħajja ġdida lill-ispazji pubbliċi tagħna,” qalet il-Ministru. Hija saħqet li l-Gvern se jkompli jappoġġja inizjattivi kulturali ta’ dan it-tip li jħeġġu t-talent lokali, isaħħu l-identità tal-lokalitajiet u jattiraw udjenzi minn madwar il-pajjiż.

Is-Sindku ta’ Bormla, Marco Agius irringrazzja lill-Gvern għall-għajnuna u l-appoġġ li qed jingħata biex din l-attività tkun tista’ tkompli ssir u tikber. Huwa qal li dan is-sostenn huwa kruċjali biex il-Kunsill Lokali jkun jista’ jkompli jinvesti f’attivitajiet kulturali li jsaħħu l-komunità Bormliża u jpoġġu lil Bormla fuq il-mappa kulturali ta’ pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku ta’ dan il-Festival, Joseph Galea spjega li bħala parti mill-edizzjoni ta’ din is-sena, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla nieda wkoll l-ewwel fażi tal-website tal-Cospicua Short Play Festival. Din il-pjattaforma se sservi biex tagħti aktar viżibbiltà lill-festival, lill-produzzjonijiet u lill-artisti li tul is-snin taw il-ħajja lil din l-inizjattiva.

Il-Cospicua Short Play Festival sar għall-ewwel darba fl-2018, meta l-Kunsill Lokali ta’ Bormla applika għal skema ta’ fondi għall-attivitajiet kulturali, bil-għan li jinħoloq proġett kulturali b’saħħtu li jħalli impatt kemm fuq il-komunità lokali kif ukoll fuq il-qasam artistiku. Minn dakinhar ’il hawn, il-festival kiber u stabbilixxa ruħu bħala avveniment importanti mhux biss għal Bormla, iżda wkoll fil-kalendarju kulturali u teatrali ta’ pajjiżna.

Matul is-snin, il-festival serva wkoll bħala pjattaforma importanti għal artisti ġodda biex jesperimentaw u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, filwaqt li joffri lill-artisti stabbiliti opportunità biex ikomplu jesploraw ideat u forom differenti ta’ teatru.

Id-disa’ edizzjoni tal-Cospicua Short Play Festival se ssir nhar il-Ġimgħa 18 u s-Sibt 19 ta’ Settembru, fl-inħawi ta’ Santa Margerita f’Bormla.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport