L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti ta’ Malta (MHRA) tesprimi tħassib wara inċidenti li seħħew matul il-weekend konnessi ma’ attivitajiet ta’ divertiment
Xogħol u investiment konsiderevoli qed isiru mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, membri tal-MHRA u partijiet interessati fl-industrija tat-turiżmu biex jgħollu l-istandards u jerġgħu jipożizzjonaw lil Malta lejn mudell ta’ turiżmu ta’ valur ogħla, kwalità ogħla u aktar rispettuż.
Il-maġġoranza tal-lukandi, ristoranti u operaturi tat-turiżmu qed jinvestu u jaħdmu b’mod konsistenti u l-impenn tagħhom matul is-sena kollha m’għandux jiġi mminat fi ftit sigħat minn inċidenti li jirriskjaw li jibagħtu l-messaġġ oppost dwar id-destinazzjoni tagħna.
Fi stqarrija, l-MHRA qalet li l-avvenimenti ta’ divertiment f’festi issa żviluppaw f’attivitajiet stabbiliti kummerċjalment u li dawn m’għandhomx jibqgħu eliġibbli għal finanzjament pubbliku għat-turiżmu fi kwalunkwe żmien tas-sena. Ir-riżorsi pubbliċi tat-turiżmu għandhom ikunu allinjati mal-objettivi ewlenin tal-politika tat-turiżmu ta’ Malta: turiżmu ta’ kwalità, valur ogħla u rispettuż, li jwassal benefiċċji sostenibbli lid-destinazzjoni u lill-komunitajiet tagħha.
L-MHRA fissret li dan ma jfissirx li avvenimenti bħal dawn għandhom jiġu pprojbiti. L-organizzaturi li jixtiequ jsegwuhom kummerċjalment għandhom ikunu jistgħu jagħmlu dan, iżda fi ħdan qafas regolatorju ċar li jkopri s-sigurtà, l-folol, il-konsum tal-alkoħol, l-istorbju, l-indafa, l-ordni pubbliku u r-rispett għall-komunitajiet tal-madwar.
Malta jista’ jkollha settur tad-divertiment vibranti, iżda trid topera fi ħdan l-istandards mistennija minn destinazzjoni turistika ta’ kwalità u rispettuża.
L-MHRA tenniet tgħid billi qalet li l-industrija tat-turiżmu, il-viżitaturi tagħna u l-komunitajiet tagħna jistħoqqilhom aħjar.
