Waqt żjara f’Għawdex il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ maż-żgħażagħ fi ħdan il-Gozo University Group 

… żar l-intrapriża agrikola Ramla Valley Olive Grove

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, kompla jsaħħaħ id-djalogu dirett mal-komunità Għawdxija waqt żjara f’Għawdex, li matulha ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-Gozo University Group (GUG) u żar l-intrapriża Għawdxija Ramla Valley Olive Grove.

Waqt laqgħa mal-membri tal-eżekuttiv tal-GUG, Dr Abela kellu l-opportunità jisma’ direttament mingħand iż-żgħażagħ ir-realtajiet li jiltaqgħu magħhom, l-esperjenza tagħhom bħala studenti, kif ukoll l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-futur.

Il-Prim Ministru tenna li l-Gvern jibqa’ kommess li jimbotta ’l quddiem inizjattivi li mhux biss ikunu t’assistenza għaż-żgħażagħ imma fuq kollox inizjattivi li jagħtuhom vuċi u li bihom ikunu jistgħu jkunu parteċipi mhux biss fil-komunitajiet tagħna iżda wkoll fid-deċiżjonijiet li jolqtuhom. Ġew diskussi wkoll numru ta’ miżuri effettivi li dejjem jistgħu jkomplu jtejbu l-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.

Huwa qal li l-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex tibqa’ waħda li toħloq aktar opportunitajiet ta’ kwalità, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, sabiex ikunu jistgħu javvanzaw fil-karriera tagħhom, jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jagħżlu li jibnu l-futur tagħhom f’Għawdex stess.

F’Għawdex il-Prim Ministru Robert Abela żar ukoll ir-Ramla Valley Olive Grove, negozju agrikolu tal-familja li jinsab fil-wied fertili tar-Ramla l-Ħamra. Dan in-negozju tal-familja ilu jopera għal seba’ ġenerazzjonijiet sħaħ.

Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru ġie mdawwar mal-għelieqi li fihom is-siġar taż-żebbuġ, fejn ġie spjegat il-proċess tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, mill-ġbir taż-żebbuġ sal-prodott finali. Ġie spjegat kif din l-intrapriża tuża metodi tradizzjonali u prattiċi organiċi. Din il-kumpanija hija magħrufa b’mod partikolari għaż-żejt Extra Virgin Olive Oil tagħha, li kiseb diversi premjijiet u rikonoxximenti internazzjonali. Minbarra ż-żejt taż-żebbuġa, in-negozju jipproduċi wkoll żjut b’togħmiet differenti, għasel, ġamm, żebbuġ, kappar, kunserva tat-tadam, tadam imqadded u frott staġjonali. Dawn isiru minn prodotti mkabbra mill-familja stess, biex b’hekk jinżamm kontroll fuq il-kwalità tul il-proċess kollu.

Il-Prim Ministru faħħar il-ħidma ta’ negozji bħal Ramla Valley Olive Garden, li jżewqu t-tradizzjoni mal-innovazzjoni u joħolqu prodott Għawdxi ta’ kwalità li jista’ jikkompeti u jikseb rikonoxximent anke fuq livell internazzjonali.

Huwa sostna li l-agrikoltura, il-prodott lokali u n-negozji tal-familja jibqgħu parti importanti mill-identità ekonomika u soċjali ta’ Għawdex, u li l-Gvern se jibqa’ jappoġġja inizjattivi li joħolqu valur miżjud, isaħħu l-kwalità u jiftħu opportunitajiet ġodda għall-produtturi Għawdxin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport