Borussia Dortmund se jaċċettaw biss offerti ta’ aktar minn €120 miljun (£103m) għal Jude Bellingham (ritratt) hekk kif bosta clubs madwar l-Ewropa qed juru nteress fil-firma tiegħu għall-istaġun 2023/24.
Dan il-midfielder internazzjonali Ingliż, li għalaq 19-il sena proprju lbieraħ, fadallu tliet snin kuntratt ma’ Dortmund, u l-club qed jistenna offerti minn Liverpool, Real Madrid u Manchester United.
L-istess club Ġermaniż stabbilixxa l-offerta minima fejn għamilha ċara mal-partijiet interessati li Bellingham se jkun investiment għali.
Mingħajr il-klawsola ta’ rilaxx fil-kuntratt tiegħu, Dortmund jistgħu jiffissaw il-prezz minħabba li d-domanda għal dan il-player qegħda dejjem tikber.
F’dawn is-sentejn li ilu li ngħaqad magħhom mingħand Birmingham City għal £25 miljun, Bellingham skorja 10 goals u pprovda 18-il assist f’89 partita.
Huwa rebaħ ukoll il-Golden Boy Award, mogħti lill-aqwa player tal-Ewropa taħt il-21 sena liema unur li kien intrebaħ qabel minn Kylian Mbappe, Pedri, u Erling Haaland.
Bħala membru tal-iskwadra nazzjonali tal-Ingilterra, fejn lagħab 15-il partita u li ħa sehem fil-Euro 2020, huwa ta’ interess partikolari għal Liverpool u Manchester United li jfittxu li jinvestu f’dan it-talent homegrown.
Oriġinarjament kien iddikjarat li Bellingham kien il-mira ewlenija tal-manager ta’ Liverpool, Jurgen Klopp, minkejja l-valutazzjoni għolja mitluba mill-club Ġermaniż.
Anke Manchester United qalu li l-istilla minn Stourbridge tinsab fil-quċċata tal-lista tat-trasferimenti tagħhom, taħt il-manager il-ġdid, l-Olandiż, Erik ten Hag.
Interess ieħor għal Bellingham jinkludi wkoll dak ta’ Real Madrid li huma ħerqana li jintegraw lil dan il-player fil-grupp attwali tagħhom ta’ talent żagħżugħ f’nofs il-ground, inklużi Aurelien Tchouameni u Eduardo Camavinga.
Iżda kienet ix-xewqa ta’ Bellingham stess li f’dan l-istaġun jibqa’ jilgħab fil- Bundesliga biex jibqa’ jieħu l-esperjenza meħtieġa.
“L-uniku futur li qed naħseb fih huwa l-logħba li jmiss għal Dortmund,” qal Bellingham.
“Ninsab tassew ħerqan li nerġa nilbes il-flokk isfar u iswed. Ma nistax nistenna li jibda l-kampjonat. Imma iva, se nkun hawn f’dan l-istaġun, u ninsab lest.”
Biċ-ċaqliq riċenti ta’ Haaland minn Dortmund għal Manchester City, Bellingham sar l-aktar player importanti għalihom fil-Bundesliga fejn mistennija li jagħmlu profitt kbir mill-bejgħ tiegħu.
Peró sa Ġunju li ġej jilħqu jinbidlu ħafna affarijiet u l-futur għadu ħadd ma rah. Fil-veritá qed ikun inutli għal dawn il-clubs li qed juru nteress kbir f’Bellingham meta fadal staġun sħiħ x’jintlagħab.