Saturday, December 21, 2024

Bosta jikkundannaw dak li seħħ ilbieraħ f’Selmun

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat bosta kienu dawk li kkundannaw it-trattament ta’ ħaddiem li allegatament tħalla f’ġenb ta’ triq wara li kellu inċident fuq il-post tax-xogħol.

Il-President ta’ Malta George Vella qal li jalla l-awtoritajiet isibu minn huwa responsabbli, u ssir ġustizzja. 

Filwaqt li awgura l-fejqan lil dan ir-raġel, il-President Vella qal li min allegatament abbandunah b’dan il-mod krudili, għandu jħallas ta’ għemilu.

Fost l-oħrajn anke s-Sindku tal-Mellieħa Dario Vella appella lill-awtoritajiet li bis-saħħa kollha jieħdu l-passi meħtieġa biex issir ġustizzja. Filwaqt li awgura lill-ħaddiem il-fejqan ta’ malajr, sostna li min għamel dan għandu jistħi.

Aktar qabel, il-GWU wkoll ikkundannat bla ebda riserva t-trattament fejn iddeskrivitu bħala wieħed inuman, tal-mistħija u inaċċettabbli. Hija qaleey li dan żgur mhux il-mod kif għandhom jiġu trattali l-ħaddiema.

Sadanittant, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem ikkundannat ukoll dan l-inċident u saħqet li tali azzjonijiet abbużivi huma inaċċettabbli f’soċjetà ċivilizzata. Hija żiedet tappella lill-pulizija biex iwettqu l-investigazzjonijiet neċessarji sabiex jistabbilixxu x’ġara eżatt f’dan l-inċident u kull min huwa responsabbli jinġieb quddiem il-ġustizzja.

Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Kummerċ ukoll ikkundannat dan l-inċident u qalet li hija dejjem ippromwoviet trattament ġust u ugwali għall-ħaddiema kollha rrispettivament min-nazzjonalità fis-setturi kollha tal-ekonomija. 

Il-Kamra tal-Kummerċ sejħet lill-istakeholders kollha rilevanti u l-awtoritajiet biex immedjatament ifasslu strateġija biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni b’mod ħolistiku.

Ekonomija

Sport