Friday, November 22, 2024

Bouncer bla liċenzja mixli li ħebb għal raġel li kien qed jiċċelebra r-rebħa tal-Arġentina

Aqra wkoll

Raġel li allegatament kien qed jaħdem bħala bouncer mingħajr liċenzja, ċaħad li kkawża ġrieħi gravi fuq persuna li kien qed jiċċelebra f’Paceville r-rebħa tal-Arġentina tat-Tazza tad-Dinja.

Marko Jerotic-Mitrovic, ta’ 27 sena mis-Serbja, kien mixli li darab gravi lil Sergio Ramirez Lesmes fit-taraġ ta’ Santa Rita, li kiser il-paċi pubblika u li kien qed jaħdem bħala gwardjan privat mingħajr liċenzja.

Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea, l-akkużat wieġeb li mhuwiex ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Dan filwaqt li l-avukati difensuri tiegħu talbu għal ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur Xerri esebixxa l-filmat tal-inċident permezz ta’ CCTV u oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat.

Fil-Qorti nstema’ li l-akkużat minkejja li ilu jgħix Malta inqas minn sena u nofs, ma hemm l-ebda indikazzjoni li turi dan.  

L-Ispettur żied jgħid li l-Pulizija għadha għaddejja bi tfittxija għal persuna oħra b’rabta ma’ dan l-attakk.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat li jinżamm taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Keith Xerri.

L-Avukati Shazoo Ghaznavi u Charlon Gouder dehru għall-imputat.

L-Avukat Julian Farrugia deher parte civile għall-vittma.

Sport