Monday, May 13, 2024

Il-komunità tal-football madwar id-dinja ssellem lil Pelé

Aqra wkoll

Il-komunità tal-football madwar id-dinja sellmet lil Pelé b’għadd ta’ messaġġi għat-telfa ta’ dan ir-Re li miet fl-età ta’ 82 sean nhar il-Ħamis filgħaxija wara li tilef il-battalja tiegħu kontra l-kanċer. 

“Ir-Re li bidel kollox. Qabel Pelé, il-football kien biss sport,” kiteb l-attakkant Brżiljan Neymar fuq Instagram.

“Pelé biddel kollox. Huwa biddel il-football f’arti, f’divertiment. Barra minn hekk ta vuċi lill-foqra, lin-nies suwed.”

“Prinċipalment: ta viżibbiltà lill-Brażil. Il-football u l-Brażil għollew l-istatus tagħhom grazzi għar-Re! Huwa mar, iżda l-maġija tiegħu se tibqa’.”

Ta’ min isemmi li fit-Tazza tad-Dinja li għaddiet, Neymar laħaq ir-rekord ta’ Pelé meta skorja s-77 goal għal pajjiżu fil-partita kontra l-Kroazja.

L-attakkant ta’ Franza u kollega ta’ Neymar fit-team ta’ Paris St-Germain, Kylian Mbappe, iddeskriva wkoll lil Pelé bħala “ir-Re tal-football li l-wirt tiegħu qatt m’hu se jintesa”.

Pelé huwa akkreditat li skorja rekord dinji ta’ 1,281 goal f’1,363 partita matul karriera ta’ 21 sena, inklużi 77 goal fi 92 partita għal pajjiżu.

Barra minn hekk, huwa l-uniku player li rebaħ it-Tazza tad-Dinja tliet darbiet,  fl-1958, fl-1962 u fl-1970. Huwa ġie vvotat ukoll il-Player tas-Seklu tal-FIFA fl-2000.

Il-Portugiż, Cristiano Ronaldo qal: “Sempliċi addio lir-Re etern Pelé … qatt m’hu se jkun biżżejjed biex wieħed jesprimi l-uġigħ li qed jinvolvi lid-dinja tal-football kollha bħalissa.

“Il-memorja tiegħu tibqa’ għal dejjem f’kull wieħed minna li jħobb il-football.”

L-eks attakkant Brażiljan, Ronaldo, rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja qal: “Uniku. Ġenju. Tekniku. Kreattiv. Perfett. Bla ugwaljanza. Qatt ma ħalla l-quċċata, iħallina llum. Ir-Re tal-football – wieħed u biss. L-akbar ta’ kull żmien.”

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal: “Għal sport li jġib id-dinja kollha flimkien, Pelé huwa ta’ eżempju kbir għax minn bidu umli laħaq il-quċċata u sar leġġenda tal-football irrispettat minn kulħadd.”

Il-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro qal: “Ninsabu mnikktin bil-mewt ta’ Pelé li permezz tal-football ġarr il-pajjiż tal-Brażil madwar id-dinja. Huwa biddel il-football f’arti u ferħ.”

U l-president elett Luiz Inacio Lula da Silva qal: “Kelli l-privileġġ li Brażiljani iżgħar ma kellhomx: rajt lil Pelé jilgħab f’Pacaembu u Morumbi. Play, le. Rajt lil Pelé jagħti spettaklu. Għax meta kellu l-ballun f’saqajh, dejjem għamel xi ħaġa speċjali, li ħafna drabi spiċċa f’goal.”

Il-President tal-FIFA, Gianni Infantino, qal li “qalbu maqsuma” f’”jum tassew traġiku għall-football” u ddeskriva lil Pelé bħala “l-atleta tas-seklu”.

Huwa żied jgħid: “Il-preżenza tiegħu kienet waħda kariżmatika …  u meta kont miegħu, il-bqija tad-dinja waqfet. Illum, id-dinja kollha tibki t-telfa ta’ Pelé; l-akbar footballer ta’ kull żmien.”

Richarlison, wieħed minn diversi players attwali tal-Brażil li taw ġieħ, iddeskriva lil Pelé bħala “l-isbaħ kapitlu” tal-football u qal li “bidel l-istorja tal-logħba għal dejjem”.

Huwa kompla: “Dejjem tibqa’ l-aqwa wieħed ta’ kull żmien … għax 60 sena ilu, bid-diffikultajiet kollha li ffaċċjajt, għamilt dak li ftit biss irnexxielhom jagħmlu llum.”

Ir-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja tal-Ingilterra Sir Geoff Hurst qal li Pelé kien “mingħajr dubju l-aqwa player li qatt lgħabt kontrih”, żied jgħid: “Kont kburi li kont fil-ground miegħu.”

Iċ-champion sieħbu tal-1966, Sir Bobby Charlton, faħħar lil Pelé bħala “footballer tassew maġiku u bniedem mill-aqwa”.

L-eks kollega ta’ Pelé li rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-1958 u fl-1962, Mario Zagallo qal: “Ħabib tiegħi ta’ tant suċċessi, titli u stejjer komuni. Huwa jħalli wirt etern u indimentikabbli.”

L-eks attakkant tal-Ingilterra Gary Lineker qal li Pelé “dejjem ikollu l-immortalità tal-football” bħala “l-aktar divina ta’ players li paxxew tant nies bl-abbiltajiet tagħhom.

L-ex difensur tal-Brażil u rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja, Cafú qal: “Pelé jmut, din l-aħbar mhix preċiża… Pelé qatt m’hu se jmut. Pelé qatt m’hu se jħallina. Pelé qatt m’hu se jieqaf jeżisti. Pelé huwa etern, Pelé huwa Re, Pelé huwa uniku … huwa biss mar jistrieħ ftit.”

L-FA Ingliża xegħlet l-arkata ta’ Wembley Stadium bil-kuluri tal-Brażil u qalet: “Kull min iħobb il-football, ​​iħobb lil Pelé.”

It-tmien darbiet champion Olimpiku fl-atletika, Usain Bolt, ta ġieħ ukoll, u ddeskriva lil Pelé bħala “leġġenda sportiva”.

New York Cosmos – il-club Amerikan fejn Pelé temm il-karriera tiegħu fl-1977  – qal li “beda rivoluzzjoni sportiva fl-Istati Uniti”.

Il-club żied jgħid li huwa “għen biex jippopolarizza l-football madwar l-Istati Uniti”.

Il-kont Twitter tal-gvern tal-Brażil iddeskriva lil Pelé bħala “l-eroj Brażiljan qawwi tagħna” li se jkun “immortalizzat mill-ġenju tiegħu”.

Bint Pelé, Kely Nascimento, poġġiet ritratt ta’ dak li dehret li kienu l-idejn tal-familja ta’ Pelé fuq ġismu fl-isptar u kitbet: “Kulma aħna huwa grazzi għalik. Inħobbuk infinitament. Strieħ fis-sliem.”

L-FA Brażiljana ddeskrivietu bħala “ħafna iktar mill-akbar sportiv ta’ kull żmien”.

“Ir-Re tana Brażil ġdid u aħna tant grati għall-wirt tiegħu.”

Il-kont uffiċjali ta’ Pelé fuq Instagram qal li hu kien “xerred dak li l-aktar kien jemmen li hu l-kura għall-problemi kollha tagħna: l-imħabba”.

Sport