Tuesday, April 30, 2024

Żewġ atleti b’diżabilità jwaqqfu rekord dinji f’qadfa indoor ta’ 60 minuta

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Żewġ para-qaddiefa, Kurt Farrugia u Nick Mercieca, temmew b’suċċess qadfa ta’ 60 minuta bil-għan li jinġabru fondi għad-Dar tal-Providenza. L-attività, li saret l-Erbgħa filgħaxija fil-gym tad-Dar tal-Providenza u kienet organizzata mis-Siġġiewi Rowing Club, rat lil dawn l-atleti żgħażagħ b’diżabilità fiżika jwaqqfu rekord dinji ġdid ta’ siegħa qdif fil-kategoriji rispettivi tagħhom. Għal din l-isfida, Nick u Kurt kienu akkumpanjati minn qaddiefa sħabhom ta’ Siġġiewi Rowing Club.

Talk.mt ħa l-kummenti ta’ wieħed mill-atleti, Kurt Farrugia, li qalilna li huwa ilu jipprattika dan l-isport minn Ġunju filwaqt li f’Novembru li għadda ħa sehem ukoll f’kompetizzjoni oħra fl-Indoor Rowing. Minkejja d-diżabilità tiegħu, huwa sostna li jinsab determinat li jkompli jitħarreġ f’dan l-isport.

Tkellimna wkoll ma’ Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, li rringrazzja lis-Siġġiewi Rowing Club li organizzaw din l-attività f’ambjent inklussiv u bil-għan li jinġabru fondi b’risq id-Dar tal-Providenza. Huwa feraħ ukoll lill-atleti għas-suċċess li għamlu.

Fr Micallef semma wkoll kif għaddejjin ġmielhom il-preparazzjonijiet għall-maratona ġbir ta’ fondi li se ssir il-Ħadd li ġej, l-1 ta’ Jannar, b’risq id-Dar tal-Providenza. Qal li t-temp jidher li se jkun wieħed favorevoli u ħeġġeġ lin-nies biex jiġu jgawdu mill-ispettaklu li se jkun hemm filwaqt li jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom b’risq id-Dar.

Il-Festa ta’ Ġenerożità se ssir mill-ġdid taħt it-tinda l-kbira fil-parkeġġ li hemm biswit id-Dar. Se jsir ukoll irkant ta’ xogħlijiet ta’ arti, mogħtija minn artisti Maltin u barranin. Kull min hu interessat jista’ jara l-katalgu tax-xogħlijiet kollha flimkien ma’ informazzjoni dwar kif se jsir l-irkant online fl-1 ta’ Jannar fuq www.dtpauction.com jew www.belgraviaauctions.com.

Id-Dar hija impenjata li tkompli ttejjeb dejjem aktar il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u s-servizzi li toffri anke biex ir-residenti jkunu inklużi u jipparteċipaw f’attivitajiet li jsiru fil-komunità.  Biex isir dan, kull sena jsir investiment f’riżorsi umani, xiri ta’ apparat ġdid, xogħol ta’ manutenzjoni u anke proġetti kapitali biex ikomplu jinfetħu djar oħra fil-komunità. 

Fost ix-xogħlijiet li saru hemm renovar, inkluż installazzjoni ta’ lift ġdid f’Dar Pirotta, Birkirkara, li hija waħda mid-djar fil-komunità; xogħol ta’ manutenzjoni kull fejn kien meħtieġ;  investiment uman b’mod speċjali ta’ professjonisti; taħriġ intensiv lill-ħaddiema kollha tad-Dar mill-Professur Ingliż Tony Osgood, li hu espert fil-qasam tal-persuni b’diżabilità. Dan it-taħriġ kellu l-għan li titjieb il-kwalità tas-servizzi li toffri d-Dar. Minnu u minn esperti oħra Maltin fil-qasam tal-persuni b’diżabilità ngħataw pariri li għandhom jgħinu lid-Dar fl-istrateġija li hemm ippjanata għall-ħidma tad-Dar fil-15-il sena li ġejjin.

Għas-sena d-dieħla, il-pjanijiet jinkludu l-ftuħ ta’ dar ġdida fil-Balluta; aktar taħriġ lill-ħaddiema, investiment f’aktar professjonisti; il-bidu ta’ proġett ta’ rinovar f’erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni li għandu jtejjeb l-ambjent li fih jgħixu wħud mir-residenti u, fl-aħħar nett, l-iffinalizzar tal-istrateġija għas-snin li ġejjin.

Sport