Tuesday, November 5, 2024

Bouncer mixli li ta daqqa ta’ ponn raġel ieħor

Aqra wkoll

Bouncer li allegatament daħal biex iwaqqaf argument bejn raġel u s-sieħba tiegħu ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li ta daqqa ta’ ponn lir-raġel u kkawżalu ġrieħi gravi.

L-inċident seħħ fil-31 ta’ Lulju fil-Gianpula meta l-bouncer, Jean Paul Azzopardi ta’ 29 sena minn Bormla allegatament weġġa’ lir-raġel li kien qed jargumenta mas-sieħba tiegħu għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu. L-allegat vittma qed isostni li għandu problemi ta’ viżta b’riżultat tal-inċident.

Azzopardi wieġeb mhux ħati li kkawżalu ġrieħi gravi, li kiser il-paċi pubblika u li kien qed jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà mingħajr liċenza valida. Huwa ċaħad ukoll li kiser żewġ digrieti ta’ ħelsien mill-arrest. 

Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba nuqqas ta’ affidabilità tal-imputat. Iżda l-Avukati Difensuri sostnew li kien għadda kważi xahar mill-allegat inċident u għalkemm kien jaf li kien suspettat, il-klijent tagħhom ma kienx avviċina l-ebda xhieda u kien mar għand il-pulizija kull meta sejħulu. 

Il-Maġistrat Gabriella Vella tatu l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000 fost kundizzjonijiet oħra. 

L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għall-imputat. 

Sport