Wednesday, July 24, 2024

Bouncer Serb li ħebb għal raġel f’Paceville jevita l-ħabs wara li biddel ħajtu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Bouncer Serb li aggredixxa persuna f’Paceville kellu s-sentenza ta’ priġunerija mibdula għal waħda sospiża wara li l-Qorti tal-Appell qieset kif ir-raġel għandu rabtiet sodi mal-komunità u llum għandu ħajja stabbli u jinsab fit-triq it-tajba.

Aleksandar Stanojcic ta’ 22 sena kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li sawwat raġel b’lembuba f’Paceville, f’każ li jmur lura għal Awwissu tal-2015, u kien ikkundannat sitt xhur ħabs. Huwa iżda appella mis-sentenza mogħtija lilu.

L-Imħallef Aaron Bugeja sema’ lill-uffiċjal probation li segwa lil Stanojcic, jgħid li l-imputat ma kellux jingħata piena karċerarja minħabba r-rabta li għandu mal-familja u l-fatt li biddel ħajtu tant li jinsab fit-triq it-tajba.

Il-Qorti qablet ma’ dan u qalet li fid-dawl tal-kondotta nadifa tiegħu, ir-rabtiet sodi li għandu mal-komunità, u d-depożizzjoni tiegħu li jaħdem għalih innifsu u għall-familja tiegħu, is-soċjetà tibbenefika aktar minn żmien ta’ priġunerija f’dan il-każ. Dan minħabba li l-azzjonijiet ikunu taħt kontroll għal żmien twil fil-ġejjieni. 

Sentenza ta’ ħabs mhux se tgħinu biex jirriforma ruħu u biex ikun evitat ir-ripetizzjoni ta’ reati simili, l-Qorti biddlet it-terminu ta’ inkarċerazzjoni f’perijodu ta’ sospensjoni biex b’hekk jkollu l-appoġġ ta’ nies professjonali jekk iħoss li jeħtieg l-għajnuna. 

Għal Stanojcic deheru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.

Ekonomija

Sport