Wednesday, July 24, 2024

“Il-kameras fil-latrini jinvadu l-ispazju privat tal-persuna”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Monitoraġġ li jmur kontra d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali

Minn CARMEN CACHIA

L-installazzjoni ta’ kameras fil-latrini saret xi ħaġa komuni u dan f’xi każi bl-iskuża li jkun hemm sorveljenza għal possibbiltà ta’ abbużi jew atti vandali. L-użu tal-latrini pubbliċi u fi stabbilimenti huwa bżonn u servizz mistenni mill-klijenti. Barra l-indafa, persuna tistenna l-privatezza tagħha iżda meta ssib quddiem wiċċha kamera fit-toilet, bilfors tħossha xi ftit skomda. Inewsmalta tkellem mad-Deputat Kummissarju tal-Protezzjoni tal-Informazzjoni u Data, Ian Deguara, fejn qal li b’mod ġenerali, il-kameras ta’ CCTV installati ġewwa toilets fi stabbilimenti jew postijiet pubbliċi mhumiex proporzjonati mal-iskop biex wieħed jipprevjeni xi tip ta’ inċident. 

“Dan b’mod partikolari meta tieħu konjizzjoni tal-fatt li f’dawn il-postijiet speċifiċi l-persuna ma tkunx qiegħda tistenna li tiġi sorveljata. Għaldaqstant, dan it-tip ta’ monitoraġġ imur kontra d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u konsegwentament jikkostitwixxi ksur tal-provvedimenti tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR),” spjega Deguara.

Din il-pożizzjoni hija konformi mal-linji gwida li ġew adottati riċentamenti mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data rigward l-ipproċessar ta’ data permezz ta’ CCTV kameras.

Rigward il-fatt li hemm kameras f’latrini li huma fid-direzzjoni tal-bibien u s-sinkijiet biss, jiġifieri mhux lejn it-toilets infushom, id-Deputat Kummissarju qal li wieħed dejjem irid jara l-każ speċifiku. 

“Però, il-pożizzjoni ġenerali ta’ dan l-Uffiċċju fuq is-suġġett hija li CCTV kameras installati ġewwa toilets, sew jekk jaqbdu partijiet mill-kamra u aktar u aktar jekk jaqbdu t-toilet cubicles, ċertament jinvadu l-ispazju privat tal-persuna u għaldaqstant imorru kontra l-provvedimenti tal-GDPR,” sostna Deguara.

Il-Kummissarju għandu l-poteri korrettivi tiegħu

Mistoqsi jekk ikunx hemm riperkussjonijiet legali għal persuni li jinstallaw tali kameras, huwa qalilna li l-Kummissarju jniedi investigazzjoni f’żewġ istanzi. Dan isir wara li s-suġġett tad-data jressaq ilment formali minħabba li jqis li l-ipproċessar ta’ data personali dwaru jikser ir-Regolament jew inkella f’każijiet li jiġu a konjizzjoni ta’ dan l-Uffiċċju u li jkunu ta’ natura serja fejn il-Kummissarju jista’ jiddeċiedi li jinvestiga ex-officio. 

Ian Deguara temm jgħid li, “tajjeb li jingħad ukoll li kwalunkwe ksur tad-dritt għall-protezzjoni tad-data jiġi investigat każ b’każ biex fl-ewwel lok jinstemgħu l-partijiet konċernati u tinġabar l-evidenza meħtieġa u għalhekk a bażi ta’ dan, il-Kummissarju jkun f’pożizzjoni li jikkonkludi jekk hemmx ksur tar-Regolament. Riżultat tal-fatti stabbiliti li minnhom jemerġi li kien hemm ksur tar-Regolament, il-Kummissarju għandu l-poteri korrettivi tiegħu biex jieħu l-azzjoni meħtieġa li jidhirlu xierqa”.

Ekonomija

Sport