Monday, November 11, 2024

BOV Kampjonat Premier: Hibernians jiltaqgħu kontra Birkirkara fl-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa

Aqra wkoll

Illum u għada tkompli tintlagħab l-10 ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier fejn, bla dubju, l-aktar partita attraenti hija dik bejn Birkirkara u Hibernians li, flimkien ma’ Gudja United, qed jaqsmu t-tielet post tal-klassifika. 

Il-fatt li dawn iż-żewġ timijiet se jiffaċċjaw lil xulxin, teżisti possibbiltá kbira li jgawdu l-leaders Hamrun Spartans li għandhom vantaġġ ta’ erba’ punti fil-quċċata, bl-aktar team viċin huwa dak ta’ Gzira United  li huwa segwit minn dawn it-tliet timijiet b’erba’ punti inqas.

Filwaqt li l-Ispartans ji­lagħbu kontra Balzan, Gudja United jiffaċċjaw lil Sirens li huma l-uniku team mingħajr rebħa.

Floriana u Valletta jibdew bħala favoriti li jegħlbu lil Sta Lucia u lil Zebbug Rangers rispettivament.

Hibernians v Birkirkara – Hibernians jaffrontaw lil Birkirkara li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom jekk iridu jkomplu jżommu kun­tatt mal-leaders Hamrun. Iżda dawn tal-aħħar jittamaw fi draw biex, jekk jegħlbu lil Balzan, jiggwa­danjaw żewġ punti oħra.

Iż-żewġ timijiet jimmi­raw li jirritornaw għar-rebħ għax filwaqt li Hibernians ġew miżmuma minn Mar­saxlokk bl-iskor ta’ 1-1, Birkirkara sfaw megħluba minn Mosta bl-iskor ta’ 2-1 biex ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar erba’ logħbiet, b’żewġ draws u żewġ telfiet.

Kull team għandu player sospiż – Dunstan Vella għall-Pawlisti u Alessandro Coppola għall-Karkariżi b’dan tal-aħħar ikun qed jiskonta t-tieni sospensjoni konsekuttiva.   

Pietá H. v Marsaxlokk – It-team ta’ qiegħ il-klassifika, Pietá Hotspurs jippruvaw jissuperaw lill-ostaklu diffiċli ta’ Marsaxlokk li mill-aħħar ħames ħarġiet kisbu tliet rebħiet u żewġ draws għal total ta’ 11-il punt li tellgħuhom f’nofs il-klassifika.

Minkejja li dan il-konfront huwa bejn żewġ ti­mijiet promossi … hemm distakk ta’ 11-il punt bej­niethom fejn Marsaxlokk jidhru li ssetiljaw fl-ogħla diviżjoni u qed ikunu sfida denja għal kull avversarju.

Iżda huma se jkunu mingħajr is-sospiż Leandro Aguirre filwaqt li jirritorna  Juan Cruz Aguilar minn sospensjoni.

Il-Pietaniżi se jinżlu bl- aqwa formazzjoni possibbli.

Sirens v Gudja U. – Gudja United għandhom partita delikat kontra Sirens li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

Bla dubju, it-team minn San Pawl il-Baħar hu­wa d-diżappunt s’issa tal-istaġun hekk kif kien mistenni ħafna aktar minn­hom … u għaldaqstant jimmiraw li jiksbu l-ewwel rebħa kontra team li wkoll qed ifittex rebħa meta mill-aħħar erba’ ħarġiet kiseb waħda biss.

Il-Pawlini se jkollhom jgħad­du mingħajr is-servizzi tas-sospiżi Weder Soares Da Silva u Sean Cipriott filwaqt li James Arthur u Neil Micallef jirritornaw għall- Gudjani minn sospensjoni.

Floriana v Sta Lucia – Floriana jaffrontaw lil Sta Lucia fejn jibdew favoriti li jirreġistraw rebħa. Iżda l-Luċjani joħorġu determinati fit-tentattiv li jinqalgħu min-naħa t’isfel tal- klassifika.

Wara bidu pożittiv tal-istaġun, Floriana naqqsu mir-rendiment tagħhom u għaldaqstant iridu jir­kup­raw “il-kriżi” ta’ riżultati hekk kif fl-aħħar ħames partiti huma kisbu biss sitt punti biex għamlu l-affarijiet diffiċli għalihom infus­hom għall-isfida tal-kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League.

Huma se jkunu mingħajr is-sospiż Fernandez Juarez li tkeċċa fir-rebħa ta’ 1-0 fuq Zebbug Rangers.

Min-naħa tal-Luċjani, dawn se jissaħħew bir-ritorn tal-goalkeeper, Matthew Calleja Cremona, minn sospensjoni iżda Mi­guel Angel Alba huwa sospiż.

Valletta v Zebbug R. – Valletta jimmiraw li jkomplu jibnu fuq ir-rebħa ta’ 3-1 fuq Balzan hekk kif jaffrontaw lil Zebbug Ran­gers.

Qabel din ir-rebħa, il- Beltin kisbu biss punt wieħed biss mill-ħames ħar­ġiet preċedenti u għaldaqstant ma jistgħu jfallu aktar punti.

Minkejja li fuq il-karta huma favoriti, bla dubju, iż-Żebbuġin jimmiraw għal sorpriża … fejn tkun il-ħames rebħa Żebbuġija fuq il-Beltin fl-ogħla diviżjoni, bl-ewwel waħda tmur lura għas-16 ta’ Jannar, 1971, bl-iskor ta’ 2-1, bl-iskorers ikunu Emanuel Farrugia u Wally Hili filwaqt li Freddie Curmi wieġeb għal Valletta.

Ir-Rangers se jkunu mingħajr is-sospiż Wilker Rocha Santos iżda jirritorna Randall Vella.

Hamrun S. v Balzan  – Dan il-konfront jagħlaq l-10 ġurnata fejn Hamrun Spartans jimmiraw li jkomplu bil-mixja “trijonfali” tagħ­hom u jittrasformaw dan il-kampjonat “f’purċissjoni”.

Minkejja li se naqbżu terz minn dan l-istaġun, jidher ċar li dan il-kampjonat se jiżvolġi f’wieħed formali … bil-mistoqsija tkun “Min se jwaqqaf lill-Ispartans?”

L-avversarji li jmiss hu­ma Balzan li f’dawn l-aħħar tliet logħbiet kisbu żewġ punti biss.

Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli fejn għall-Balzanin jirritorna Ivan Bojovic minn sospen­sjoni.

Sport