Wednesday, July 24, 2024

BOV Kampjonat Premier: Hibernians v Floriana tisraq l-attenzjoni

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Meta tintlagħab is-16-il ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier, l-aktar żewġ partiti li jispikkaw huma Valletta v Birkirkara u Floriana v Hibernians.

Peró, filwaqt li l-partita bejn il-Beltin u l-Karkariżi hija attraenti minħabba r-rivalitá li teżisti bejn dawn iż-żewġ timijiet, il-konfront bejn il-Furjaniżi u l-Pawlisti jippossjiedi aktar importanza minħabba li jirrigwardja t-taqtiegħa fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika minkejja li għandhom tragwardi diffe­renti.

Il-leaders, Hamrun Spartans, jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti kontra Gudja United.

Partiti li jidhru li huma bilanċjati huma Naxxar L. v Gzira United u Sliema Wanderers v Mosta, li huma miftuħa għal kull riżultat.

Fil-partita bejn Marsa­xlokk u Sirens, dan huwa l-aħħar ċans għall-Pawlini biex jiksbu t-tliet punti li jħalluhom jittamaw għas- salvazzjoni.

Floriana v Hibernians – Floriana għandhom partita mill-aktar diffiċli hekk kif l-ostaklu li jmiss jismu “Hibernians”.

Jekk il-Greens iridu jżommu l-pass mal-leaders, Hamrun Spartans, xejn   għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom.

Min-naħa l-oħra, rebħa hija prijoritá għal Hibs biex jibqgħu jisfidaw fit-tentattiv li jispiċċaw mal-ewwel tlieta, wara l-eliminazzjoni mill-FA Trophy. 

Il-Pawlisti se jkunu msaħħa bir-ritorn tal-goal­kee­per tal-Guinea, Ibrahim Kone, mit-Tazza Afrikana wara li rrappreżenta lil paj­ji­żu.

Iż-żewġ timijiet m’għandhomx problemi ta’ players neqsin u għaldaqstant mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli.

Fl-ewwel round Floriana kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.  

Valletta v Birkirkara – Din il-partita tqanqal memorji tas-snin 90 meta nbniet ir-rivalitá bejn dawn iż-żewġ timijiet.

Madankollu, il-partita ta’ għada mhix se tintlagħab għall-konfini tar-rebħ tat-tit­l­u iżda għal raġunijiet diversi.

Filwaqt li l-Istripes jimmiraw li jżommu t-tamiet tagħhom ħajjin biex jikkwalifikaw għal kompetiz­zjoni Ewropea, il-Lilywhites iridu l-punti biex jevitaw ir-relegazzjoni.

Fil-veritá, l-istaġun għall- Beltin huwa mitmum min­ħabba li nhar it-Tlieta li għadda, huma sfaw eliminati mill-FA Trophy meta ġew megħluba minn Mosta bl-iskor ta’ 2-1.

Issa l-objettiv tagħhom huwa li jsalvaw il-profil tagħhom fl-ogħla diviżjoni meta jinsabu tliet punti biss fuq iż-żona l-ħamra.

Telfa tkompli tkabbar il- pressjoni, il-paniku u l-pe­riklu lejn xifer l-irdum!

L-uniku player sospiż huwa Simon Zibo ta’ Birkirkara.

Fl-ewwel round, iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 1-1.

Gudja U. v Hamrun S. – Dan il-konfront ilaqqa’ lit-team li jinsab fil-quċċata ma’ dak li jinsab fil-qiegħ tal-klassifika. 

Hamrun Spartans jibdew favoriti netti li jegħlbu lil Gudja United li għadhom l-uniku team li ma rreġistra l-ebda rebħa.

Jidher li l-Ispartans qabdu ritmu konsistenti hekk kif ġejjin minn sitt rebħiet konsekuttivi bil-mistoqsija tkun … min se jwaqqafhom?

Huma xorta waħda jib­q­­għu b’saħħithom anke jekk se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiżi, Steve Borg u Jonny Torres. Min-naħa l-oħra, Elionay Frei­tas Da Silva jirritorna minn sos­pensjoni.

Fl-ewwel round, Hamrun għelbu lill-Gudjani bl-iskor ta’ 3-0.

Naxxar L. v Gzira U. – Naxxar Lions, li jinsabu f’żona komda, jiffaċċjaw lil Gzira United li huma fil-bżonn tal-punti minħabba li jinsabu maqbuda fiż-żona l-ħamra.

Għaldaqstant, iridu bilfors joħorġu bit-tliet punti biex forsi “jistejqru” mit- trawma li jinsabu fiha … għax … biż-żmien għaddej … jista’ jkun tard wisq għalihom biex jirkupraw.

Peró, huma se jilagħbu kontra team li ġej minn telfa u għaldaqstant irid jir­ritorna għar-rebħ biex isaħħaħ postu fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika.

L-uniku player sospiż huma d-difensur tal-Maroons, Marcelo Dias.

Fl-ewwel round, iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 1-1.

Balzan v Sta Lucia – Trawmatizzati mill-eliminazzjoni mill-FA Trophy kontra t-team tal-Amateur League, Mgarr United, Sta Lucia jiltaqgħu kontra Balzan.

Fir-realtá, dan l-istaġun qed jiżvolġi f’wieħed diżastruż hekk kif jinsabu fiż-żona l-ħamra bil-possibbiltá li se jitilfu posthom mal-kbar.

Barra minn hekk iridu jpattu għad-diżappunt tat- telfa ta’ 1-0 tal-ewwel round.

Sliema W. v Mosta – Din hija partita bilanċjata bejn żewġ timijiet li ġejjin minn draw – Sliema kontra Valletta (1-1) u Mosta kontra Sirens (0-0). U ma tkun l-ebda sorpriża li jieħdu punt kull wieħed.

Iżda minkejja dan, filwaqt li l-Wanderers iridu jsaħħu t-tielet post, il-Mostin iridu jeħilsu mill-periklu minħabba li jinsabu punt fuq iż-żona l-ħamra.

Huma għandhom lil Willie Britto Dagou sospiż.

Fl-ewwel round, is-Slimi­żi ħarġu rebbieħa 3-0.

Marsaxlokk v Sirens – Il-fatt li Sirens jinsabu fil-bżonn tal-punti, għandhom jippreżentaw sfida denja lil Marsaxlokk li ġejjin minn rebħa diffiċli ta’ 2-1 kontra Gudja United.

Jekk il-Pawlini juru l-is­tess impenn li wrew kontra Birkirkara minkejja li sfaw megħluba, fl-Aħħar 16 tal-FA Trophy, żgur li se jħabbtu lix-Xlukkajri li għandhom lil Ryan Scicluna sospiż.

Fl-ewwel round huma reb­ħu bl-iskor ta’ 3-1. 

Ekonomija

Sport