Monday, December 23, 2024

Bowling:Nicholas Muscat isir l-iżgħar champion, Sue Abela tirbaħ is-27 titlu nazzjonali tagħha

Aqra wkoll

Nicholas Muscat, li għad għandu 18-il sena rebaħ il-Kampjonat Nazzjonali BOV tal-Bowling biex sar l-iżgħar Champion Malti fil-kategorija tal-irġiel li qatt sar filwaqt li l-veterana Sue Abela rebħet is-27 Titlu Nazzjonali tagħha.

Il-Kampjonati Nazzjonali BOV nżammu fuq 3 ijiem, bil-plejers jilagħbu total ta’ 24 logħba milgħuba bi tliet mudelli taż-żejt ġodda, differenti, u ta’ sfida.

Fid-diviżjoni maskili, iż-żagħżugħ Nicholas Muscat spiċċa dawn il-kampjonati bl-ogħla total ta’ 5285 pin (medja ta’ 220.21) tul l-24 logħba. Muscat temm dawn il-kampjonati b’vantaġġ ta’ 180 pin fuq ir-runner-up Kayden Laganà. Wara li kien spiċċa fit-tieni post kemm fl-2021 kif ukoll fl-2022, Muscat issa sar l-iżgħar champion nazzjonali tal-irġiel. L-unika rebbieħa iżgħar fl-eta` hija Sara Xuereb fejn rebħet l-ewwel miż-żewġ kampjonati nazzjonali tagħha fl-2016 meta kellha 14-il sena.

Muscat kiseb ukoll rekord ieħor f’dawn il-ampjonati Nazzjonali BOV ta’ din is-sena fejn irreġistra l-aqwa medja għal Kampjonati Nazzjonali sħaħ u sar l-ewwel plejer Malti li qatt spiċċa l-kampjonat b’medja li taqbeż il-220 pin tul il-medda kollha. B’hekk huwa qabeż ir-rekord ta’ 7 darbiet champion nazzjonali Mauro Anastasi li, lura fl-2018, irreġistra l-aqwa medja ta’ qatt qabel ta’ 219.17 pin.

Sue Abela rnexxielha tiddefendi t-titlu tagħha għall-ħames sena konsekuttiva, fejn rebħet is-27 titlu ta’ kampjonati nazzjonali personali. Fl-istorja kollha tal-Malta Bowling Association, Abela rebħet 27 mill-45 edizzjoni li saru fil-kategorija tan-nisa. Dan ifisser li Sue Abela issa rebħet 60% tat-titli kollha tal-kampjonati nazzjonali femminili fl-istorja tal-Malta Bowling Association.

Mis-sena 2005, Abela kienet iċ-champion nazzjonali femminili ta’ Malta għal kull sena ħlief għal sentejn fejn Sara Xuereb rebħet il-kampjonati fl-2016 u fl-2018. Abela kisbet medja ta’ 189.63 tul it-tournament kollu bi skor totali ta’ 4551 wara 3 ijiem ta’ logħob. Il-kompetizzjoni kienet qawwija ħafna f’din id-diviżjoni, b’Abela jkollha sfida kbira minn Tiziana Carannante, b’Abela toħroġ bħala r-rebbieħa b’vantaġġ żgħir ħafna ta’ 27 pin fuq Carannante li spiċċat fit-tieni post. Carannante temmet il-kompetizzjoni prestiġjuża b’total ta’ 4524 b’medja totali ta’ 188.50. Melissa Swift kisbet il-podju tan-nisa fit-3 post.

Dan il-kampjonat ukoll ra l-podium maskili bi tliet plejers żgħażagħ fejn wara Muscat, Kayden Laganà ta’ 15-il sena spiċċa fit-tieni post b’Nicolai Mallia ta’ 13-il sena jikseb it-tielet post.

Ir-rebbieħa ġew ippreżentati bit-trofej tagħhom minn Ernest Agius, Chief Operations Officer fi ħdan il-Bank of Valletta u Edward Mifsud, President tal-Malta Bowling Association.

Muscat u Abela issa huma skedati li jirrappreżentaw lil Team Malta fl-edizzjoni li jmiss tal-Kampjonat Ewropew taċ-Champions.

Ekonomija

Sport