Sunday, December 22, 2024

B’passjoni lejn id-drama u l-eżerċizzju

Aqra wkoll

Stephanie Agius – attriċi stabbilita f’pajjiżna li għandha mħabba kbira lejn l-eżerċizzju fiżiku hekk kif tistqarr li dan jagħmel differenza kbira għall-aħjar f’ħajjitha.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn ir-reċtar?

L-imħabba tiegħi lejn ir-reċtar bdiet minn mindu kont ċkejkna. Minn dejjem kont inħobb nieħu sehem f’diversi plays l-iskola. Nemmen li hija xi ħaġa li tintired infatti, ma nistax ma nsemmix li kemm in-nannu kif ukoll in-nanna tiegħi pjuttost iltaqgħu waqt li kienu intgħażlu għall-play ta’ Romeo u Ġuljetta u baqgħu flimkien.

Għaliex nistgħu nsejħu r-reċtar bħala forma ta’ arti?

Għaliex le? Ir-reċtar huwa arti, għaliex fih il-kreattività, ħafna xogħol, il-paċenzja, l- istudju, il-ħsieb u ħafna iktar, bħall-pittura tista’ tgħid.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek fid-drama fuq it-televixin.

L-esperjenza tiegħi fuq it-televixin, nista’ ngħid li hija waħda mill-ħafna affarijiet tajbin u essenzjali li għamilt u ħa nibqa’ nagħmel f’ħajti. Fetħitli ħafna bibien u għallmitni nkun il-persuna li jien illum. Nammetti li żgħira kont xi ftit mistħija u magħluqa fija nnifsi, iżda d-drama, tgħinek tillimita dan kollu. Għalhekk nixtieq nirringrazzja lil nies bravissimi li tawni ċ-ċans f’din id-dinja tat-televixin u bla dubju, mhix ħa tieqaf hawn.


Int tagħti wkoll importanza lill-eżerċizzju fiżiku f’ħajtek. Agħtina iktar dettalji u kemm jgħinek dan?

Bħalma jaf kulħadd, l-eżerċizzju huwa importanti ħafna, speċjalment fil-ħajja mgħaġġla li ngħixu llum il-ġurnata, fil-każ tiegħi mix-xogħol għat-televixin jew radju. Nemmen li għandu jkun hemm ftit ħin li kulħadd għandu jiddedika għalih innifsu, fil-każ tiegħi huwa l-eżerċizzju, għaliex jgħinni nirrifletti u nħossni tajba mentalment kif ukoll fiżikament biex inkun ta’ suċċess.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol personali tiegħek u anke mar-reċtar?

Il-ħajja m’għandhiex tkun xogħol biss, iżda għandek tagħmel dik ix-xi ħaġa li vera tħobb u tagħmlek dak li int ukoll. Jien nemmen ħafna bil-pjan – pjan ta’ kif tqassam il- ħin għal kollox. Nammetti li ċerti affarijiet jonqsu ovvjament, imma fl-aħħar mill- aħħar, hija kwistjoni ta’ prijoritajiet imbagħad.

Taħseb li għad jiġi żmien fejn attur ikun jista’ jgħix bid-drama biss?

J’Alla! Sfortunatament, Malta ma tantx jinvestu fina l-atturi biex inkunu nistgħu ngħixu bih biss. Ikollna nagħmluh bħala delizzju u mhux bħala xogħol. Infatti, nista’ nitkellem f’isem sħabi l-atturi l-oħra. Kollha kemm aħna bil-full-time job tagħna,  flimkien mat-televixin apparti. Kollha kemm aħna nixtiequ li nagħmlu r-reċtar biss bħala xogħol full-time bħal barra minn Malta.

Ġieli ħsibt li tgħix barra minn Malta u taħdem hemmhekk fid-drama?

Tgħaddili minn moħħi xi ħames darbiet kuljum, forsi?! Ma nistax ngħid li hija imposibbli, iżda mhix faċli lanqas. Nammira ħafna lil nies li jagħmluha. J’Alla xi darba, inrabbi l-kuraġġ biex immur jien ukoll.

Taħseb li f’pajjiżna hawn biżżejjed opportunitajiet relatati mad-drama jew għadna kemmxejn limitati?

Maż-żmien dejjem ikun hawn iktar fortunatament. Għalkemm aħna pajjiż u poplu żgħir, nemmnu f’dak li nagħmlu ħafna. Illum hawn diversi produzzjonijiet li jagħtu opportunitajiet lil min għandu t-talent.

Attur titwieled jew issir?

Nemmen li titwieled bih it-talent, ikun ġo fik, iżda dejjem tista’ tipperfezzjonah.

Nixtieqek li tgħaddi l-aħħar messaġġ tiegħek lit-tfal u ż-żgħażagħ li huma interessati li jaqbdu karriera fir-reċtar u / jew fl-edukazzjoni.

Il-messaġġ tiegħi hu, lil dawk in-nies kollha li jħossuhom kapaċi imma jibżgħu li mhumiex tajbin biżżejjed jew inkella jistħu, agħmlu dak l-isforz u ppruvaw. M’intom ser titilfu assolutament xejn. Għal dawk il-ġenituri li forsi għandhom it- tfal tagħhom riservati jew forsi ma jesprimux ruħhom biżżejjed, nissuġġerixxi li timbuttawhom għal xi ħaġa simili għax tgħin ħafna!

Ekonomija

Sport