Thursday, April 18, 2024

Premju Nobel 2022: “Taw il-ħajja u onoraw il-viżjoni tal-paċi li kellu Alfred Nobel”

Viżjoni li tant għandna bżonn fid-dinja bħalissa

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fi stqarrija uffiċjali li biha ħabbru li Ales Bialiatski, “Memorial” u s-“Centre for Civil Liberties” huma r-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi 2022, il-Kumitat Norveġiż ta’ dan il-premju prestiġġjuż qal li, “din is-sena dawn ir-rebbieħa reġgħu taw il-ħajja u onoraw il-viżjoni li kellu Alfred Nobel għall-paċi u l-fraternità bejn in-nazzjonjiet, viżjoni li hija tant bżonnjuża fid-dinja bħalissa”.

It-tliet rebbieħa, li huma attivist tad-drittijiet tal-bniedem u żewġ organizzazzjonijiet ukoll b’ħidma importanti għad-drittijiet umani, ġew ippremjati għax-xogħol li jagħmlu favur id-drittijiet umani, id-demokrażija u l-ko eżistenza paċifika bejn il-pajjiżi ġara tal-Belarus, ir-Russja u l-Ukrajna. F’dawn iż-żminijiet proprju ta’ tensjonijiet mimlija sfidi minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, dan il-Kumitat ried jonorahom għall-ġlieda tagħhom kontra l-armamenti, il-ħidma tagħhom favur il-valuri umani, kif ukoll favur il-prinċipji legali.

Ales Bialiatski mill-Belarus, l-organizzazzjoni Russa “Memorial” u dik Ukrena “Centre for Civili Liberties” jirrappreżentaw soċjetà ċivili fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. Għal snin twal huma saħqu fuq id-dritt li jikkritaw lil dawk fil-poter u li jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini. Il-Kumitat irrikonoxxa wkoll il-ħidma kbira u ta’ min jammira biex jiddokumentaw atti kriminali tal-gwerra, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u abbuż ta’ poter u ddikjara li, “flimkien dawn urewna s-sinjifikat tas-soċjetà ċivili għall-paċi u d-demokrazija”.

Ales Bialiatski
Minkejja t-tbatija u ħabs, għadu sod fil-fehma tiegħu

Ales Bialiatski

Bialiatski kien wieħed minn dawk li bdew jifformaw moviment demokratiku fil-Belarus f’nofs is-snin 1980. Huwa ddedika ħajtu għall-promozzjoni tad-demokrazija u żvilupp paċifiku ta’ art twelidu. Fost ħafna affarijiet fl-1996 huwa waqqaf l-organizzazzjoni “Viasna” li tfisser rebbiegħa, wara li saru emendi fil-kostituzzjoni li taw lill-president poteri dittatorjali b’konsegwenza li saru ħafna dimostrazzjonjiet mifruxa mal-pajjiż kollu. Viasna għenet lid-dimostranti li ġew arrestati kif ukoll lill-familji tagħhom. Snin wara din evolviet f’organizzazzjoni kbira li kienet tiddokumenta u tipprotesta kontra l-użu ta’ torturi mill-awtoritajiet fuq priġunieri politiċi.

L-awtoritajiet governattivi għal diversi drabi ppruvaw isikktu lil Ales Bialiatski u kien intefa’ l-ħabs bejn l-2011 u l-2014 u reġa’ ġie arrestat fl-2020. Preżentament huwa jinsab fil-ħabs u għadu jistenna ġuri. Minkejja tbatija kbira, Bialiatski għadu sod fil-fehma tiegħu li jiġġieled favur id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-Belarus.

Memorial
Tifkira għall-vittmi tar-reġimkomunist tal-eks Unjoni Sovjetika

Din l-organizzazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem kienet stabbilita fl-1987 fl-eks Unjoni Sovjetika bil-għan li ma jintesewx il-vittmi oppressati mir-reġim komunist. Il-laureate tal-Premju Nobel għall-Paċi Andrei Sakharov u l-attivista għad-drittijiet tal-bniedem, Svetlana Gannushkina, kienu fost il-fundaturi. Memorial tisħaq li hemm bżonn li ikunu rikonoxxuti atti kriminali preċedenti biex ikunu evitati oħrajn ġodda.

L-origanizzazzjoni espandiet u saret l-akbar waħda favur id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja. “Memorial” saret sors awtoritatevoli ta’ informazzjoni dwar priġunieri politiċi fir-Russja. Fost ħidma intensiva, hija tiġġieled iż-żieda fl-armamenti u tistinka għar-rule of law fil-pajjiż. Din ingħalqet bil-forza iżda minkejja dan, iċ-chairman Yan Rachinsky iddikjara li “ħadd mhuwa qiegħed jippjana li jċedi”.

Centre for Civil Liberties
“Navvanzaw lill-Ukrajna u nsaħħu s-soċjetà ċivili”

Is-Centre for Civil Liberties twaqqfet fi Kyiv fl-2007 bil-għan li jissaħħu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fl-Ukrajna. Iċ-ċentru beda ħidma biex isaħħaħ is-soċjetà ċivili Ukrena u biex jagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet biex jieħdu ħsieb li l-pajjiż ikun demokratiku kompletament. Bil-għan li tkun prattikata r-rule of law fl-Ukrajna, dan iċ-ċentru ta’ spiss jitlob biex l-Ukrajna tingħaqad mal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

Wara l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna fi Frar ta’ din is-sena, is-Centre for Civil Liberties qegħdin jipprovaw jidentifikaw u jiddokumentaw l-atti kriminali tal-gwerra mir-Russja fuq il-popolazzjoni Ukrena. Dan qiegħed isir b’kollaborazzjoni ma’ msieħba internazzjonali.

“Ninsabu konĊernati dwar Bialiatski, li qed jinżamm f’detenzjoni f’kundizzjonijiet ħarxa ġewwa l-ħabs. Nittamaw li dan il-premju ma jattefwaHx b’mod negattiv. Anzi nittamaw li jqawwilu l-moral”

Reiss-Andersen, Chairperson tal-Kumitat Nobel Norveġiż
Ekonomija

Sport