Monday, July 28, 2025

‘B’passjoni u dedikazzjoni u ħidma, kull ħolma tista’ ssir realtà’ – Carlo Scicluna

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?

Ta’ etá żgħira minn dejjem kont inħobb nilgħab small sided games. Meta bdejt nikber għalkemm kont nilgħab il-futbol kont nidħol ħafna 5-a-side tournaments fejn kont immur tajjeb. Fl-2003 skoprejt il- logħba tal-futsal fejn ħadt sehem ġo kampjonat għall ewwel darba. Konna rbaħna l-kampjonat tar-Raba’ Diviżjoni u wara niftakar erġajt mort għamilt żewġ staġuni futbol. F’dawk is-sentejn ħassejt in- nuqqas tal-logħba tal-Futsal, fejn minn hemm ħadt id-deċiżjoni li nirritorna u minn dik il-ġurnata bqajt attiv s’issa!

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek tal-istaġun li għadda bħala kowċ tal-MFA U19 fil-kampjonat u Assistant Coach tat-Tim Nazzjonali.

Bħala assistant coach tat-tim nazzjonali, komplejt nitgħallem ħafna mingħand il-Kowċ Gabriel Dobre. Kienet esperjenza pożittiva fejn fir-rawnd preliminari, irbaħna tliet logħbiet minn tlieta. Fil-main round għalkemm ma ġibna l-ebda punt, wieħed irid jara il-livel tan-nazzjonlijiet li kellna quddiemna, fejn apparti li r-riżultati ma ġewx dawk li xtaqna, kellna prestazzjonijiet tajba f’kull taqsima ta’ kull logħba.

Bħala kowċ tal-U19 għal dawn l-aħħar ħames snin, ma nħarisx lejn ir-riżultati fil-kampjonat, imma lejn il-progress ta’ kull individwu, fejn illum il-ġurnata diġá qegħdin naraw plejers li minn dan il-proġett qegħdin jilagħbu fil-kampjonat ma’ timijiet oħra, kif ukoll pedina fundamentali għat-tim nazzjonali, preżenti kif ukoll tal-futur. Min-naħa l-oħra wkoll, kellna prestazjzonijiet tajbin fiż-żewġ European Qualifiers li ħadna sehem fihom, fejn kellna riżultati pożittivi ħafna.

U l-esperjenza passata tiegehk bħala plejer fosthom dik mat-tim nazzjonali.

Nista’ ngħid li li tul il-karriera tiegħi kemm bħala klabb u kif ukoll mat-tim nazzjonali kienet pożittiva ħafna, fejn mal-klabbs irbaħt ħafna unuri u mat-tim nazzjonali għandi ħafna memorji fejn fosthom hemm ukoll l-ewwel rebħa tat-tim nazzjonali fl-istorja tal-futsal fejn fiha rnexxieli wkoll niskorja żewġ gowls.

Kemm hu differenti r-rwol ta’ kowċ minn dak ta’ plejer?

Huwa ħafna differenti, li xi darba kont plejer u wkoll mat-tim nazzjoanli tgħinni ħafna biex nifhem iktar l- individwu għax ħafna mill-affarijiet għaddejt minnhom jiena wkoll, għalkemm iż-żmien jinbidel u anke ċerti affarijiet. Trid tippjana tajjeb u pjan wieħed għal sessjoni ta’ taħriġ mhux biżżejjed … trid tagħti kas ukoll mhux l-aspett sportiv biss. Trid issib ħin ma’ kull plejer biex tipprova tifhem lill-individwu. Għandek responsabbiltá kbira fuq l-iżvilupp tal-plejers li jkollok, kif ukoll trid taħdem fuq mentalitá pożittiva kif ukoll rebbieħa għall-futur. Trid tipprova toħroġ it-tajjeb ta’ kull plejer u tgħinu jemmen fih innifsu.

Kif tqis il-livell tal-futsal f’pajjiżna fil-preżent?

Fuq it-tim nazzjonali nara qabża kbira minn meta kont nilgħab jiena għal-lum il-ġurnata. Il-mentalitá inbidlet, jintlagħab iktar futsal kif ukol hemm ġenerazzjoni iżgħar tiela’. Nemmen ukoll li għad hemm iktar xi jsir u fejn inkomplu nġibu riżultati aħjar. Li llum il-ġurnata qegħdin naraw plejers żgħar jieħdu  sehem fil-Kampjonat tal Futsal diġá turik id-differenza. Hemm fejn klabbs iridu jaħdmu biex jintroduċu din il-logħba ferm sabiħa għal iktar żgħażagħ. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Min-naħa tagħna konna qegħdin nittrenjaw darbtejn fil-ġimgħa. Ir-riżosrsi għall-isport hawn Malta kulħadd jaf li huma limitati. Aħna fil-każ tagħna bi pjan u organizzazzjoni mill-MFA dejem kellna fejn nittrenjaw. Riżorsi li konna nbatu minnhom huma fejn dawn it-tfal ġejjin mil-logħba tal-futbol u mhux dejjem kien possibli li jattendu għat-taħriġ tal-futsal. Kieku jkun hemm iktar għajnuna huwa żgur li jiggwadanja minnha l-plejer innifsu.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna?

Din hi domanda naqra antipatika li kultant hija diffiċli li twieġeb għax kull każ għandu l-istorja tiegħu. Peró, hija ħasra li kultant ma niħduhiex daqshekk bis-serjetá, mingħajr ma nidħol fir-raġuni għaliex. Peró għal raġuni jew oħra tara ħafna sportivi f’diversi dixxiplini li jkollhom potenzjal u jieqfu mill-isport tagħhom.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futsal.

Il-messaġġ tiegħi hu wieħed sempliċi: ħobb dak li tagħmel u aħdem bla waqfien biex ittejjeb lilek innifsek. Il-futsal hu sport li jgħallem dixxiplina, rispett u ħidma f’tim. Kun umli, isma il pariri, u ibqa’ għatxan għall-għarfien. Qatt ma tieqaf titgħallem u qatt taqta’ qalbek. B’passjoni u dedikazzjoni u ħidma, kull ħolma tista’ ssir realtà!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport