Wednesday, October 9, 2024

Bradley Cooper brillanti

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Maestro

Leonard Bernstein kien surmast tal-orkestra, kompożitur, pjanist u edukatur.  Miet fl-1990 fil-għomor ta’ 72 sena.  Huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa kompożituri tas-seklu għoxrin. 

Il-film bijografiku “Maestro” huwa dwar dan il-kompożitur, u r-relazzjoni tiegħu ma’ martu Felicia Montealegre (Carey Mulligan). 

Tant hu hekk, li l-film jibda b’preludju fejn Leonard ikun qed idoqq il-pjanu fid-dar u wara jagħti ntervista lill-ġurnalist fejn jistqarr kemm kien jimmisjaha.  Felicia mietet b’kanċer tal-pulmun 12-il sena qablu. 

Ir-relazzjoni ta’ bejniethom hi żviluppata minn kull angolu.  L-imħabba ta’ bejniethom tidher b’saħħitha imma Leonard Bernstein kellu ħajja oħra li jgħix u jostor imħabba oħra f’soċjeta li għadha ma taċċettax l-omosesswalità. 

Bradley Cooper jagħti nterpritazzjoni tajba ta’ Leonard Bernstein.  Imma mhux biss jaħdem il-parti prinċipali, huwa anke jidderieġi l-film b’intensità kbira, anke b’mod aktar matur min meta dderieġa “A Star Is Born” ħames snin ilu. 

Bradley Cooper jinsab fuq quddiem nett li jiġi nnominat għall-Oscar għall-aħjar attur.   L-istess Carey Mulligan mistennija tkun fost dawk innominati fil-kategorija tagħha.  

“Maestro” jista’ jkun wieħed mill-kandidati għall-aħjar film.  Dan il-film hu klassifikat 15 minħabba lingwaġġ li jintuża u xeni qosra ta’ użu ħażin tad-droga.

Ferrari

In-narrattiva ta’ din id-drama bijografika tiżvolgi f’tliet xhur fl-1957.  Enzo Ferrari (Adam Driver) jinsab dahru mal-ħajt.  Ma’ min ma kienx jaf x’inhu għaddej fil-ħajja privata u fin-negozju tiegħu, Enzo Ferrari kien bniedem popolari, għax ħoloq waħda mill-isbaħ karozzi fid-dinja u kabbar l-isem tal-Italja fost in-nies sinjuri billi kien (u għadu) ta’ prestiġju li jkollhom Ferrari.

Madankollu, bejn l-erba’ ħitan ta’ daru u tal-kumpanija l-affarijiet kienu kaotiċi.

Dak iż-żmien, il-kumpanija kienet qed jirnexxilha tbigħ 100 karozza fis-sena.  Skont il-business manager, Cuoghi (Giuseppe Bonifati), huma riedu jbiegħu 400 karozza fis-sena biex jattiraw investitur kbir.  Enzo Ferrari ikun konvint li jekk jirbħu t-tellieqa ta’ Mille Miglia, il-bejgħ tal-Ferrari jiżdied.

Fid-dar, l-affarijiet ma tantx kienu sbieħ.  In-negozju kien ma’ martu Laura (Penélope Cruz).  Iż-żwieġ tagħhom kien jinsab f’xifer l-irdum.  Sena qabel binhom Dino li kellu 24 sena miet minħabba marda.  Dan kellu effett fuq ħajjithom.  Imma Laura kienet taf ukoll li Enzo kien qed jara nisa oħra.  Waħda minnhom hi Lina Lardi (Shailene Woodley) li mir-relazzjoni magħha kellu tifel li issa għandu 12-il sena.  Lina riedet li għall-griżma, binhon Piero iġib il-kunjom Ferrari u b’hekk Enzo jirrikonoxxi pubblikalment li hu ibnu.

Id-direttur Michael Mann jiżviluppa b’mod tajjeb l-istorja u jibbilanċja l-elementi kollha, nkluż t-tellieqa ta’ Mille Miglia.  Hemm mument emozzjonali li jseħħ fil-lejl ta’ qabel il-famuża tellieqa spettakolari.  Is-sewwieqa jiktbu noti lill-maħbubin tagħhom, fejn jinstqarru kemm iħobbuhom, bl-intenzjoni li jekk xi ħadd minnhom imut fit-tellieqa, in-nota tiġi mgħoddija lill-maħbuba tiegħu.  Matul it-tellieqa, is-sewqan hu b’veloċità għolja u tgħaddi minn bosta toroq kemm fil-kampanja kif ukoll miċ-ċentru ta’ Ruma.

“Ferrari” hu klassifikat 15 minħabba dettal tal-ġrieħi, lingwaġġ u xena ta’ sess.

Next Goal Wins

Fl-2001, it-tim nazzjonali ta’ American Samoa tilfu kontra l-Awstralja bir-riżultat ta’ 31 – 0.  Din kienet logħba għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja. 

Biex forsi is-sitwazzjoni tmur ftit għall-aħjar, il-federazzjoni tal-football ta’ American Samoa toffri l-impjieg ta’ kowċ nazzjonali lil Thomas Rongen (Michael Fassbender), bniedem li jitlef it-tempra malajr u mifni b’problema tal-alkoħol.   Il-federazzjoni ma kienitx qed titlob l-impossibbli minn għandu: sempliċiment biex imqar jiskorja goal wieħed. 

It-tim ma tantx jgħin lil Thomas.  Lill-players jinsulenthom u jirriżenja aktar minn darba.  Imma Tavita (Oscar Kightley), li jkun imexxi l-federazzjoni tal-football, jibqa’ jara l-aħħar tama fih.  Minkejja l-imġiba tiegħu, il-gżira kollha, għandhom fiduċja li se jirnexxi. 

Fit-tim għandu wkoll l-ewwel persuna trans f’partita ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja.  Il-goaler Nicky Salapu (Uli Latukefu) u l-attakkant Rambo (Semu Filipo) wkoll għandhom personalitajiet interessanti għall-film. 

“Next Goal Wins” hu film komiku tajjeb maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Taika Waititi.  Hu klassifikat 12A minħabba dettal tal-ġrieħi, diskriminazzjoni, lingwaġġ iebes u referenzi għas-sess.

Sport