Wednesday, July 24, 2024

Brexit: Il-Membri Parlamentari Ewropej għadhom favur qbil, iżda jilqgħu t-tħejjijiet għal ebda ftehim

Aqra wkoll

Il-Parlament Ewropew qed jittama li jintlaħaq ftehim dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit, iżda jeħtieġ iż-żmien għall-iskrutinju, enfasizzaw il-MPE f’dibattitu l-Ġimgħa.

Matul id-dibattitu mal-Viċi President tal-Kummissjoni Maroš Šefčovič u n-negozjatur ewlieni tal-UE Michel Barnier, kważi l-kelliema kollha enfasizzaw li l-Parlament jippreferi jiffirma ftehim mar-Renju Unit, iżda mhux akkost li jipperikola l-integrità tas-suq uniku.

Huma laqgħu l-vot li jmiss tal-Ġimgħa dwar miżuri ta’ kontinġenza bi tħejjija għal xenarju possibbli ta’ ebda ftehim. Il-kelliema enfasizzaw li l-ftehim propost mill-UE huwa mingħajr preċedent fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ki ukoll fl-offerta ta’ ebda tariffa u kwota, iżda bi skambju r-Renju Unit jeħtieġ li jirrispetta r-regoli tal-kompetizzjoni ġusta. Huma fakkru li l-iskadenza qasira wisq għan-negozjar ta’ tali ftehim mingħajr preċedent ġiet stabbilita mir-Renju Unit. Bħalma għamel il-kap negozjatur tal-UE Michel Barnier, il-MPE qalu li l-flotta tas-sajd tal-UE jeħtieġ li tingħata aċċess bla xkiel għall-ilmijiet tar-Renju Unit.

Diversi MPE laqgħu l-issiġillar il-Ħamis ta’ ftehim li jiggarantixxi, fost l-oħrajn, id-drittijiet taċ-ċittadini u l-paċi fil-gżira tal-Irlanda. Huma tennew ukoll li, jekk jintlaħaq qbil wara l-iskadenza tal-20 ta’ Diċembru stabbilita mill-mexxejja tal-gruppi politiċi nhar il-Ħamis, il-Parlament mhux se jkun jista’ jiskrutinizza bir-reqqa l-ftehim u jiddeċiedi dwar l-approvazzjoni tiegħu biex jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021.

Ekonomija

Sport