L-Ingilterra ppubblikat id-dokument tal-ftehim dwar il-kummerċ li nnegozjat mal-Unjoni Ewropea ħamest ijiem biss qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ Brexit.
Id-dokument li jikkonsisti minn 1,246 paġna jinkludi wkoll dettalji dwar ir-relazzjoni taż-żewġ partijiet dwar il-liġi ta’ infurzar fuq in-nuklear, u kif ukoll serje ta’ dikjarazzjonijiet konġunti.
Iż-żewġ naħat issiġillaw il-ftehim nhar il-Ħamis li għadda wara xhur ta’ negozjati wara t-tluq formali tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea f’Jannar.
Fid-daħla tas-sommarju tad-dokument, il-Prim Ministru Brittaniku Boris Johnson kiteb: “Filwaqt li għamilna kompromessi wqt in-negozjati, qatt ma tlaqna mill-għan li nerġgħu nirrestawraw s-sovranità nazzjonali – l-għan ċentrali tal-ħruġ mill-Unjoni Ewropea.”
“Dejjem għedt li Brexit ma kienx it-tmien iżda l-bidu: il-bidu ta’ era ġdida,” huwa żied jgħid.
Il-ftehim se jippermetti lill-Ingilterra li jkollha “relazzjoni speċjali” mal-Unjoni Ewropea, terminu tradizzjonalment użat biex tiġi deskritta r-relazzjoni tar-Renju Unit mal-Istati Uniti.
Il-Parlament Brittaniku se jkun qed jivvota dwar il-ftehim ta’ kummerċ nhar it-30 ta’ Diċembru, jum biss qabel jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ Brexit.