Tuesday, October 22, 2024

Btajjel domestiċi bil-vouchers tal-Gvern imbottaw lil Għawdex

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Abigail Mamo, Kap Eżekuttiv tal-SMEs, tgħid li l-għan wara l-iskema ntlaħaq biex nies jirritornaw għan-normalità

minn Carmen Cachia               

Ħafna negozji lokali, li minnhom jinkludu postijiet tal-akkomodazzjoni, ristoranti u ħwienet saħqu li mn’alla kienu l-vouchers li ħareġ il-Gvern bħala għajnuna fi żmien il-pandemija tal-Covid-19. Dawn in-negozji qegħdin jaraw dawn il-vouchers spiss ħafna max-xirjiet mill-pubbliku. Inewsmalta tkellmet mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs), Abigail Mamo, fejn qalet li l-għan wara din l-inizjattiva tal-Gvern li jinkoraġġixxi lin-nies jirritornaw għan-normalità, intlaħaq.

“L-għan tal-vouchers kien li n-nies jużawhom biex jagħmlu kuraġġ joħorġu u jkomplu bir-rutina tagħhom u b’hekk d-diffikultà li ħafna kienu qegħdin iħossu li jbiddlu dak li kienu għamlu għal kważi tliet xhur, ġiet iffaċilitata,” saħqet Mamo. 

Hija qalet li b’din l-inizjattiva, il-Gvern ried ukoll jagħti messaġġ b’saħħtu li mhux talli r-ritorn lejn in-normalità seta’ jsir, iżda kien qiegħed jinċentiva wkoll, normalità fi sfond li xorta ridna nżommu mal-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Skont l-SMEs, jidher ukoll li peress li t-turiżmu domestiku ġie mbuttat biex jagħmel ftit tajjeb għal dak li tlifna mit-turiżmu tal-barranin, il-vouchers kienu popolari ħafna Għawdex u n-nies użawhom għall-btala domestika tagħhom. “Dan huwa pożittiv ħafna. L-ewwelnett il-gżira Għawdxija hija totalment dipendenti mit-turiżmu u kieku l-Maltin m’għamlux hekk, Ghawdex kienet tkun f’qagħda ekonomika ħazina ħafna,” kompliet il-Kap Eżekuttiv.

Hija qalet li l-vouchers għenu u se jkomplu jgħinu għax in-nies għandhom sal-aħħar ta’ Settembru biex jużawhom. Bħala Kamra tan-Negozji ż-Żgħar u Medji, saret enfasi fuq din il-proposta mal-Gvern u esprimiet sodisfazzjoni li ntlaqgħet u kellha effett pożittiv.

Mamo qalet li, “issa wieħed però, irid jgħid ukoll li filwaqt li l-injection ta’ €44 miljun fl-ekonomija ċertament hija tajba, din xorta ma laħqitx lin-negozji kollha. Ċertu negozji li ma kienux eliġibbli għadhom qegħdin jitilfu l-flus, hemm oħrajn li kienu eliġibbli wkoll li xorta s-suq domestiku mhuwiex biżżejjed għax dan jibqa’ biss sitt darbiet inqas l-ammont ta’ turisti li ġew pajjiżna s-sena l-oħra”. 

Hija spjegat kif din, però, mhix inċentiva li kellha kompletament timla’ dan il-vojt, imma inċentiva biex f’dan iż-żmien diffiċli n-negozju jkollu xi ħaġa kemm jgħaddi.

L-ikbar inkwiet li għandha bħalissa din il-Kamra hija li meta din l-iskema ġiet proposta u ppjanata, ħadd ma kien qiegħed ibassar li jista’ jkun hemm żieda fin-numri fis-sajf u tittama li dan li ġara, ma jreġġax lura t-tajjeb u l-kuraġġ li n-nies kienu ħadu bil-vouchers. 

Abigail Mamo temmet tgħid li bħala Karma huma favur li l-ħajja tkompli kemm jista’ jkun lejn in-normal, imma fakkret li, “il-virus għadu magħna u kull prekawzjoni li tista’ tittieħed għandha tittieħed u kulħadd għandu jkun aktar responsabbli f’dan ir-rigward”.

Sport