Tuesday, December 24, 2024

BUDGET 2022: Malta Bieżla

Aqra wkoll

Il-Ministru Clyde Caruana għamel referenza wkoll għall-politika nazzjonali ġdida dwar is-suq tax-xogħol u qal li sabiex ikollna stampa ċara u wiesgħa tal-ħiliet tal-ħaddiema, kmieni s-sena d-dieħla se jsir ċensiment nazzjonali tal-ħiliet tal-ħaddiema.

Ritratt: Alan Saliba

Dan iċ-ċensiment se jkun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu mhux biss f’pajjiżna imma wkoll fl-Ewropa b’investiment totali ta’ €2 miljun. Biex dan iċ-ċensiment jibqa’ aġġornat fil-futur, il-Gvern se jara li dan il-proċess ikun wieħed diġitali. 

Hekk kif jitlesta dan l-eżerċizzju, se jibda jsir digitalisation audit tal-postijiet tax-xogħol biex inkunu preparati għal din l-isfida l-ġdida. 

Fil-politika nazzjonali tax-xogħol ħareġ ukoll l-importanza tat-taħriġ u l-karba tal-industrija għal aktar ħiliet speċjalment dawk b’ħiliet tekniċi u speċjalizzati. 

Għal dan il-għan se jitnieda fond ta’ taħriġ, li għall-bidu se jkun fih €2 miljun iżda mhux eskluż li jiżdied jekk ikun hemm bżonn biex l-industrija stess tkun tista’ tħarreġ lil ħaddiema bi programmi magħmula minnha. 

Il-Ministru Caruana qal li huwa se jkun qiegħed jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali biex iħaddmu din il-miżura flimkien u jiżguraw li tkun ta’ suċċess.

In-Work Benefit għal ħaddiema b’ħinijiet atipiċi 

Mis-sena d-dieħla, se jerġa’ jibda jingħata €150 f’in-work benefit fis-sena lil dawk il-ħaddiema li għandhom paga bażika li ma teċċedix l-€20,000, li jaħdmu ħinijiet atipiċi, jiġifieri filgħaixjiet, fi tmiem il-ġimgħa u bix-xift mal-privat f’dawn is-setturi: akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel, servizzi amministrattivi u ta’ sapport, manifattura, trasport u ħażna u bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut.

Il-ħaddiema jridu jkunu tal-inqas ħadmu 6 xhur matul sena kalendarja f’dawn is-setturi. B’kollox se jibbenefikaw mal-40,000 ħaddiem b’benefiċċju ekwivalenti għal madwar 10% tat-taxxa tad-dħul li jħallsu. Dawn il-ħaddiema se jkun qed jingħataw €6 miljun.

Aktar tnaqqis fir-rata tat-taxxa fuq id-dħul

Is-sena d-dieħla dawk il-ħaddiema li l-paga bażika tagħhom ma teċċedix €20,000 fis-sena u li m’għandhomx pożizzjoni maniġerjali, se jibdew jiġu intaxxati bil-15% fuq l-ewwel €10,000 dħul mill-overtime.

B’din il-miżura se nkunu qed nagħtu lill-ħaddiema €6 miljun fit-traħħis fit-taxxa tad-dħul. “Il fuq minn 30,000 ħaddiem se jgawdi minn din il-miżura.

Aġġustament għal ħelsien mit-taxxa għal pensjonanti 

Sabiex ikun inkoraġġit illi l-pensjonanti jibqgħu ativi u jkomplu jaħdmu wara li jilħqu l-età tal-irtirar, f’temp ta’ 5 snin bis-sena d-dieħla tkun l-ewwel waħda, id-dħul mill-pensjoni mhux se jibqa’ jiġu kkalkulat bħala dħul għal fini ta’ taxxa. 

Dan ifisser li madwar 8,500 pensjonant li għandhom dħul ieħor mal-pensjoni se jaraw tnaqqis sostanzjali fit-taxxa li jħallsu filwaqt li 8,2000 pensjonanti li għandhom dħul ieħor mal-pensjoni mhux se jibqgħu jiġu intaxxati. Din il-miżura se tiswa b’kollox €27 miljun. 

Ir-rata tal-part-time tonqos minn 15% għal 10%

Se tkun qiegħda titnaqqas it-taxxa fuq id-dħul għall-part-timers minn 15% għal 10%. Din hija miżura li, fi kliem il-Ministru Caruana stess, ħafna nies ilhom jitolbu għaliha u dan il-Gvern li jwiegħed iwettqu.

“B’hekk b’din il-miżura se nkunu qed nagħtu lil 23,000 ħaddiem €5 miljun fit-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul,” qal il-Ministru Caruana.

Żieda fl-iskema tal-In-Work Benefit

Dan hu budget ieħor fejn se jkun qed jitjieb l-In-Work Benefit. Dan se jsir billi jiġi estiż il-limitu u jiżdiedu r-rati għall-benefiċjarji kollha.

Għal koppji fejn it-tnejn jaħdmu, il-limitu tad-dħul ser jitla’ minn €35,000 għal €50,000 fis-sena.

Għal koppji fejn wieħed mill-ġenituri jaħdem, il-limitu tad-dħul ser jitla’ minn €26,000 għal €35,000 fis-sena.

Għal ġenituri waħidhom li jaħdmu – il-limitu tad-dħul ser jitla’ minn €23,000 għal €35,000 fis-sena.

Ir-rati minimi l-ġodda għal madwar 7,000 familja li se jibbenefikaw mit-twessigħ tal-limiti ser ikunu ta’ €200 fis-sena. Iżjed minn hekk se jiżdiedu wkoll ir-rati kollha eżistenti b’€100 fis-sena għal kull wild ukoll. “B’hekk ser inkunu qed nagħtu €2 miljun f’żieda lil dawn il-familji,” spjega l-Ministru Caruana.

Żieda fiċ-ċekk tat-tax refund

Il-Ministru Caruana ħabbar ukoll li t-Tax Refund li ngħata f’dawn l-aħħar snin minn dan il-Gvern, is-sena d-dieħla mhux talli se jerġa’ jingħata iżda se jerġa’ jiżdied. 

Iċ-ċekk issa se jkun qed jitla’ għal bejn €60 u €140 bl-ogħla rifużjoni tingħata lil dawk bl-aktar dħul baxx.

Minn din il-miżura ser jibbenefikaw ’il fuq minn 250,000 persuna b’nefqa totali ta’ €24 miljun.

Il-Ministru Caruana qal ukoll li għal dawk il-ħaddiema li huma impjegati mal-kuntratturi li jipprovdu xogħol lis-settur pubbliku, il-Gvern se jkun qed iħallas doppju għas-sigħat ta’ xogħol li jinħadmu fi ħdud. Din in-nefqa tiswa €5 miljun.

Se jiġi estiż is-servizz taċ-childcare b’xejn

Se jkun ukoll qed jiġi estiż is-servizz taċ-childcare b’xejn għal dawk il-ħaddiema li jaħdmu f’ħinijiet ta’ filgħaxijiet, fi time il-ġimgħa u bix-xifts.

Il-Gvern se jibda wkoll diskussjonijiet fuq livell ta’ MCESD, sabiex is-sena d-dieħla, pajjiżna jkun f’pożizzjoni li jimplimenta d-direttiva tal-Unjoni Ewropea fuq il-parental leave u l-work-life balance.

Intant, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol qal li waħda mill-iktar affarijiet li jgħidulhom il-ħaddiema bi dħul baxx hija dik li l-paga minima mhijiex biżżejjed. Fl-Unjoni Ewropea, il-paga minima ta’ Malta mhijiex fost l-anqas però nifhem li biex ikollok livell ta’ għejxien tajjeb u biex inżidu l-mobilità soċjali din għandha tiżdied. 

Għandha tiżdied f’kuntest li n-negozji jżommu l-kompetittività u dan jista’ jsir billi kif minn banda togħla l-paga minima, mill-banda l-oħra rridu naraw kif din tista’ tiġi bbilanċjata bit-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul tal-kumpaniji.

Fuq dawn it-temi matul is-sena li ġejja, il-Gvern se jkun qed ikompli jaħdem mal-MCESD u l-istakeholders f’dawn l-oqsma biex tinstab pożizzjoni komuni għall-pajjiż li tkun ta’ ġid għall-ħaddiema kif ukoll għan-negozji.

Fl-istess ħin, se jitnieda portal online fejn fihom se jkun hemm templates ta’ kuntratti tax-xogħol. F’dawn il-kuntratti se jkun hemm rekwiżiti u standards minimi li huma stipulati fil-liġi biex il-ħaddiema jkollhom id-drittijiet kollha tagħhom rispettati. 

Kumpens għall-għoli tal-ħajja

Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja għas-sena d-dieħla ser tkun ta’ €1.75 fil-ġimgħa liema żieda hija maħduma skont formula stabbilità bejn l-Imsieħba Soċjali kollha fi ħdan l-MCESD. Din iż-żieda tingħata lill-impjegati kollha, lill-pensjonanti kif ukoll lil dawk fuq il-benefiċċji soċjali. L-istipendji tal-istudenti ser ikunu qed jogħlew pro-rata.

Mekkaniżmu għall-għoli tal-ħajja għal familji vulnerabbli

L-għoli tal-ħajja hija realtà li dan il-Gvern mhux talli mhux ser jibża’ jitkellem fuqha iżda li ser naraw kif ser nindirizzaw biex fuq kollox nipproteġu lil dawk il-familji li l-aktar huma vulnerabbli għall-inflazzjoni. 

“Inqis din l-isfida bħala prijorità u proprju għalhekk fil-ġranet li ġejjin, ser niltaqgħu mal-istakeholders f’dan il-qasam biex nibdew niddiskutu mekkaniżmu ġdid li jaħdem indipendentament mill-COLA f’ċirkostanzi fejn l-inflazzjoni titla’ ’l fuq sew. Dan il-piż ser iġorru l-Gvern għax nemmnu li filwaqt li għandna dejjem inħeġġu l-mobilità soċjali, għandna faxxa ta’ nies li għandhom bżonn l-għajnuna issa,” qal il-Ministru Caruana. 

Ekonomija

Sport