Monday, May 13, 2024

BUDGET 2022: Malta Ambizzjuża

Aqra wkoll

Ritratt: Alan Saliba

Stipendji tal-istudenti kollha jiżdiedu b’10%

Il-Ministru qal li meta dan l-Gvern jgħid li jrid ikompli jinvesti fil-ħiliet ta’ wliedna biex dawn verament jgħinuhom jilħqu l-potenzjal tagħhom, ikun qed jagħmel hekk bil-fatti.

Għalhekk, il-Ministru qal li se jkunu qed iżidu l-istipendji tal-istudenti kollha b’10%.

Apparti minn hekk il-Ministru qal li kull student li hu eliġibbli għall-istipendju se jkun qed jibqa’ jingħatalu anke jekk l-istudent jaħdem sa massimu ta’ 25 siegħa fil-ġimgħa.

B’dawn iż-żewġ miżuri l-Gvern se jkun qed jagħti lill-istudent żieda totali ta’ €5 miljun.

Aktar investiment fl-Apprentistat

Il-Ministru qal li se jsir investiment biex jiżdied in-numru ta’ studenti li jsibu placements ta’ apprentistat mas-settur privat. Se jsir investiment biex dawn l-istudenti jkunu aktar attrezzati b’laboratorji u faċilitajiet fejn ikunu jistgħu jitħarrġu fit-teknoloġiija u ħiliet li s-setturi ekonomiċi jkunu jeħtieġu.

Liġi ġdida li tirregola u tkompli ssaħħaħ l-istatus tal-professjoni tal-edukaturi

Il-Ministru tkellem dwar il-fatt li tul is-sena d-dieħla se jkunu qed jaraw li tidħol fis-seħħ il-liġi l-ġdida li tirregola u ssaħħaħ l-istatus tal-professjoni tal-edukaturi. Din għandha twassal biex tagħti status aktar professjonali lill-edukaturi kollha, inkluż lill-KGEs u lil-LSEs.

Eżamijiet tas-SEC fl-istess skejjel fejn kienu jattendu l-istudenti

Wara l-proġett pilota ta’ din is-sna, għas-sena skolastika li jmiss, il-Ministru qal li se jkun hemm aktar skejjel fejn l-istudenti sejrin ikunu qed jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC fl-istess skejjel li kienu jattendu l-iskola u b’hekk jonqos ftit l-istress peress li jkunu qed jagħmlu l-eżamijiet f’ambjent li huma jafu. Dan se jsir b’investiment ta’ €1 miljun.

Modernizzar u Estensjonijiet ta’ skejjel

Il-Ministru qal li wasal iż-żmien li ssir rinnovazzjoni fl-iskejjel tagħna li jinsabu fil-qalba tal-ibliet u rħula Maltin u Għawdxin. Huwa fisser li se jinvestu biex itejbu l-infrastruttura, bħall-provvista tal-elettriku. Apparti minn hekk se jkompli l-bini ta’ skejjel ġodda fl-Imsida u r-Rabat Għawdex, filwaqt li se jsiru proġetti ta’ modernizzar f’Ħal Qormi, il-Mellieħa, Ħal Għaxaq kif ukoll f’numru oħarjn f’Għawdex.

Programmi għar-riċerka u l-innovazzjonii

Il-Ministru qal li se jkunu qed iżidu l-fondi f’diversi programmi li jaqgħu taħt il-kappa tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Se jniedu programm ġdid imsejjaħ Go to Market. L-għan tiegħu huwa li jilħaq il-qofol ta’ livell ta’ teknoloġija avvanzata biex din tiġi kkumerċjalizzata fis-suq lokali kif ukoll dak internazzjonal.

Investiment fil-Kapital Fiżiku… se jinħolqu sett ta’ inċentivi ġodda

Il-Ministru rrefera għall-fatt li permezz tal-miżura tal-Covid Wage Supplement, issalvagawdjaw mal-100,000 impjieg u iktar minn 16,000 kumpanija u negoozju u self-employed. Fid-diskors tiegħu huwa qal li se jaraw li anke fil-fażi ta’ rkupru ma jħallux lin-negozji weħidhom u b’hekk se joħolqu sett ta’ inċentivi ġodda.

Ninċentivaw lill-intrapriżi jinvestu

Il-Ministru tkellem dwar gruppi ta’ kumpaniji involuti f’industriji u intrapriżi differenti li kellhom isostni negozji milquta mill-Covid-19 minn dħul magħmul permezz ta’ operazzjonijiet oħra kif ukoll riservi li kienu ġejjin mix-xogħol iebes tal-passat tagħhom.

Huwa qal li biex jgħinu lil dawk il-gruppi ta’ kumpaniji jirkupraw, qegħdin jintroduċu skema temporanja li tippermettilhom jieħdu l-benefiċċju minn capital allowances fuq l-investimenti li saru f’dawn l-intrapriżi milquta mill-pandemija u jużawhom favur it-taxxa fuq dħul minn kumpaniji li baqgħu sostenibbli,

Il-Ministru semma kif mis-sena d-dieħla Malta Enterprise se tintroduċi wkoll skema li biha persentaġġ tal-profitt li jinżammu fin-negozju jiġu investiti fi proġetti eleġibbli fl-istess negozju  u/jew isir investiment f’negozju ieħor, se jirċievu benefiċċju ta’ taxxa sakemm l-investiment isir fi żmien sentejn mill-1 ta’ Jannar 2020.

Aktar skemi favur l-intrapriża

Il-Ministru qal li permezz ta’ skemi bħal Change to Grow u Smart & Sustainable Investiment, issa qed jagħtu wkoll għajnuna finanzjarja biex jixprunaw it-trasformazzjoni lejn operat iktar sostenibbli u diġitali. Qal li dan filwaqt li l-intrapriżi li esperjenzaw telf qawwi qed jassistuhom bl-iskema ReStart.

Riforma fis-sistema ta’ maħfra ta’ mgħax u penaltitajiet

Il-Ministru tkellem dwar ir-riforma fis-sistema ta’ maħfra ta’ mgħax u penaltajiet. Qal li s-sistema ta’ maħfra ta’ mgħax fuq bilanċi tat-taxxa se tiġi kkunsidrata biss fit-termini stretti tal-proviso għar-regolament 2 tal-Avviż Legali 361 tal-2013 (SL 372.26). Għaldaqstant mhux se tkun in-norma li kulħadd jibbenefika minn maħfra ta’ mgħax.

Il-Ministru qal li b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2022, ir-rata ta’ mgħax fuq bilanċi tat-taxxa tad-dħul u tal-VAT se tkun ta’ 7.2% fis-sena.

L-infrastruttura industrijali

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru qal li ż-żoni industrijali huma ta’ prijorità għal pajjiżna u se jara li jiġu investiti xejn inqas minn €470 miljun biex dawn jiġu mmodernizzati.

Infrastruttura tat-toroq

Il-Ministru assigura li dan il-Gvern se jkompli jtejjeb l-infrastruttura tal-gżejjer Maltin u Għawdxin biex pajjiżna jkun jista’ jkompli jsostni l-iżvilupp ekonomiku.

Il-Gvern se jkompli jinvesti fil-programm ta’ toroq u b’hekk sal-aħħar tas-sena jkunu tlestew numru ta’ proġetti, bħas-Central Link b’investiment ta’ madwar €55 miljun. Fost l-oħrajn huwa ppjanat li matul is-sena li ġejja jitkomplew ix-xogħlijiet fuq il-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Airport Intersection Project, fost proġetti oħra.

Se jibda wkoll ir-restawr tal-fdalijiet tal-akwadotti li jinsabu fil-konfini tar-Rabat u b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali, se ssir ir-riġenerazzjoni tal-pjazza ewlenija tal-Munxar u Ta’ Sannat.

Infrastruttura Marittima

Il-Ministru fisser li se jkun qed isir investiment biex titjieb l-infrastruttra bħal tal-Port il-Kbir. Dan fl-isfond tal-pjan tar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbr li ġie varat matul din is-sena.

Identity Malta

Fid-diskors tiegħu l-Ministru tkellem dwar Identity Malta fejn qal li issa jmiss li l-Aġenzija tkompli tinvesti biex tkun tista’ toffri aktar servizzi onlajn.

Għas-sena 2020, qed isir xogħol mit-Taqsimia tar-Riċerki, biex permezz ta’ investiment f’sistema ġdida elettonika, nutara se jkunu jistgħu jissottomettu n-noti b’mod diġitali, bl-użu tal-firma elettronika kwalifikata.

Investiment f’niċeċ ġodda

Il-Gvern se jkun qed jinvesti €0.5 miljun biex, flimkien mal-istituzzjonijiet edukattivi Maltin, jitħejja taħriġ għal studenti terzjarji għal ċertifikazzjonijiet rikonoxxuti mill-industrija f’teknoloġija emerġenti.

Il-Ministru tkellem dwar diversi opportunitajiet għaż-żgħażagħ f’niċeċ ekonomiċi ġodda bħall-iżvilupp tal-logħob diġitali u qal li se jsir investiment fl-edukazzjoni, promozzjoni u inċentivi u ftuħ ta’ inkubatur biex jattiraw din l-industrija.

Start-Up Residence Permit

Permezz tal-proposta għal mekkaniżmu ta’ Start-Up Residence Permit, Malta tista’ tattira iktar start-ups u intraprendituri.

Il-Ministru qal li l-Malta Enterprise se tkun qed taħdem mal-Malta Residency Agency biex jitwaqqaf il-programm neċessarju għal dawk li ġejjin minn barra l-UE, u li qed ifittxu bażi li toffrilhom pakkett tajjeb ta’ għotjiet, benefiċċji u opportunitajiet. Persuni li jikkwalifiikaw għas-sett ta’ kundizzjonijiet/kriterji, ikunu jistgħu japplikaw għal dan il-permess u jirrilokaw f’pajjiżna biex jagħtu kontribut fl-ekonomija Maltija.

Twaqqif tal-Blue Med Hub

Il-Malta Enterprise se tkun qed twaqqaf il-Blue Med Hub b’diversi esperti f’dan il-qasam biex jattira startups u intrapriżi żgħar medji, lokali u barranin. Il-Hub se jkunu qed jikkolabora ma’ entitajiet mill-Afrika u Lvant Nofsani biex jiftaħ l-opportunitajiet ta’ investiment f’dan is-settur.

Konnettività f’Għawdex

Il-Ministru qal li biex ikomplu jtejbu l-konnettvità bejn il-gżejjer Maltin u Għawdxin, se jiġu mmodernizzati l-faċilitajiet tal-heliport fix-Xewkija.

L-industrija tal-films

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru qal li fis-sena 2022, se jkomplu jaħdmu fuq il-masterplan tal-Malta Film Studions, fejn se jibda x-xogħol fuq il-bini tal-ewwel soundstage f’pajjiżna. Qal li fis-sena 2022, pajjiżna se jkompli jattira films kbar li se jkomplu jimmarkaw il-pożizzjoni ta’ Malta globalment. Żied jgħid li għall-ewwel darba, f’Jannar li ġej se jorganizzaw il-Malta Film Awards.

Tbassir tal-andament tal-ekonomija

Il-Ministru qal li permezz ta’ dan il-pakkett ta’ miżuri li għadu kif ħabbar, pajjiżna mistenni jirkupra b’rata mgħaġġla mill-impatt negattiv tal-pandemija hekk kif qed jipprevedu tkabbiiri reali ta’ 6.5% u 8.6% f’termini nominali għas-sena d-dieħla. Fis-snin 2023 u 2024, it-tkabbir reali mistenni li jkun 4.7% u 4.5%, rispettivament.

It-tkabbir ekonomiku previst għas-sena d-dieħla mistenni jkun xprunat minn domanda domestika, speċjalment mill-konsum privat li mistenni jikber b’4.0%. L-investiment kapitali tal-Gvern flimkien ma’ proġetti kbar kapitali mis-settur privat ser isostnu ż-żieda fl-investiment li b’kollox mistenni jogħla bi 8.8%. Il-Ministru qal li hekk kif id-domanda internazzjonali qed tissaħħaħ, l-esportazzjoni wkoll mistennija tikkontribwixxi għat-tkabbir, b’żieda ta’ 6.6%, xprunata mill-irkupru fis-settur turistiku, kif ukoll is-sostenn tattkabbir fis-setturi diġitali, is-servizzi kummerċjali, kif ukoll tisħiħ fil-manifattura. 

Spjega li b’dan it-tkabbir previst, ifisser li s-sena d-dieħla qed nistennew li jkollna żieda ta’ 2.2% fl-impjiegi filwaqt li l-livell tal-qgħad mistenni jibqa’ relattivament baxx b’rata ta’ 4.0%. Dawn iċ-ċifri huma konsistenti ma’ żieda fil-valur tal-produttività tal-ħaddiema li hija essenzjali biex issostni kemm żidiet fil-pagi tal-ħaddiema imma wkoll biex tixpruna l-investiment privat fl-ekonomija Maltija.

Il-Ministru qal li t-tkabbir ekonomiku mistenni jkun sostnut fis-snin ta’ wara hekk kif it-tkabbir reali mistenni jkun ta’ 4.7% u 4.5% fl-2023 u fl-2024, rispettivament.

Sport