Monday, May 13, 2024

BUDGET 2022: Malta li tieħu pjaċir tgħix fiha

Aqra wkoll

Ħelsien tat-taxxa fuq bejgħ u xiri ta’ proprjetà vakanti jew f’UCA jew bi stil tradizzjonali

Għal propjetajiet li ilhom mibnija għal aktar minn 20 sena u huma vakanti għal aktar minn seba’ snin, għal proprjetajiet li huma f’UCA u għal dawk il-propjetajiet ġodda li jinbnew bi stil u arkitettura tipika u tradizzjonali Maltija, ser inkunu qed inneħħu t-taxxa tal-Capital Gains u t-taxxa tal-boll b’mod komplut fuq l-ewwel €750,000 tal-prezz tal-proprjetà. Barra minn hekk, first time-buyers ta’ dawn il-proprjetajiet li għadni kif semmejt f’Malta ser jirċievu grant ta’ €15,000.

First-time buyers li jixtru dawn it-tip ta’ propjetajiet ġewwa Għawdex se jirċievu grant bil-valur doppju jiġifieri €30,000.

Minn għada, 12 ta’ Ottubru, għal dawk li ser jixtru jew li diġà għandhom dawn it-tip ta’ proprjetajiet se tingħata ukoll għotja fuq il-valur tal-VAT imħallas sa massimu ta’ €54,000 għal fuq l-ewwel €300,000 fi spejjeż ta’ restawr u irfinar. 

Ser inkunu qed nestendu għal sena oħra l-iskemi ta’ tnaqqis fit-taxxa tal-boll għall-first-time buyers, second time buyers u x-xiri ta’ proprjetà f’Għawdex filwaqt li miżuri li kienu eżistenti sabiex jittaffa l-impatt tal-pandemija fuq dan is-settur ser jintemmu hekk kif kien stipulat jiġifieri f’Ġunju ta’ 2022.

Intant, l-Awtorità tal-Ippjanar se tintroduċi politika dwar l-estetika flimkien ma’ miżuri li jħeġġu żvilupp aktar komprensiv, uniformi u li jirrispetta aħjar l-ambjent ta’ pajjiżna.

Ritratt: Alan Saliba

Pjanat li l-grawnd tas-Schreiber jinbidel fi spazju miftuħ għall-komunità

Il-Ministru Caruana tkellem ukoll dwar il-proġett ta’ afforestazzjoni fil-Park Tal-Inwadar, proġett li se jinħadem fuq medda ta’ ħames snin b’investiment ta’ €20 miljun. 

Intant, il-Gvern qed jippjana wkoll li l-grawnd tas-Schreiber f’Pace Grasso jinbidel fi spazju miftuħ għall-komunità, fejn spazju ta’ 12,000 metru kwadru se jinbidel fi spazju edukattiv fejn se jitħawlu aktar minn 165 siġra, 2,500 arbuxell u 1,500 pjanta ornamentali. 

Sostenibbilità

Il-Ministru tal-Finanzi qal ukoll li “t-tħaddir tal-pajjiż jorbot mal-prinċipji tas-sostenibbilità u l-bidliet li rridu nagħmlu biex l-impatt tagħna fuq l-ambjent jiġi mminimizzat u eventwalment pajjiżna jiġi newtrali mill-karbonju. Dan kollu jagħmel sens mhux mil-lat morali biss iżda anke ekonomikament.

Skemi għall-użu tal-enerġija nadifa

Il-Gvern jibqa’ kommess li jibqa’ jinvesti fis-settur tal-enerġija biex joffri liċ-ċittadini servizz effiċjenti u affordabbli. Sabiex nassiguraw stabbilità, nindirizzaw it-tibdil fil-klima u nkomplu ntejbu l-kwalità tal-arja, ser inkomplu ninvestu f’enerġija diversifikata, effiċjenti, u rinovabbli. Matul din is-sena, il-Gvern kompla jimplimenta skemi u miżuri li jwasslu għall-produzzjoni u użu aktar effiċjenti tal-enerġija,

inkluż enerġija rinnovabbli bħal pannelli, solar water heaters u heat pumps. Għas-sena d-dieħla wkoll ser inkomplu ngħinu b’aktar skemi għall-investimenti f’pannelli fotovoltajiċi flimkien ma’ batteriji għall-ħażna tal-enerġija. Ser tingħata wkoll l-għotja fuq restawr ta’ bjar domestiċi u fuq ix-xiri ta’ solar water heaters u heat pump water heaters. L-iskemi tar-restawr ta’ bjar fi djar residenzjali, l-iskema ta’ tibdil u xiri ta’ reverse osmosis, ukoll se jiġu estiżi. Is-sena dieħla ser inkomplu noffru house visits b’xejn biex familji l-aktar vulnerabbli jiġu ggwidati kif jużaw id-dawl u t-tibdil filhome appliances tagħhom għal dawk aktar effiċjenti. Dan huwa abbinat ma’ kampanja informattiva dwar teknoloġiji effiċjenti għall-użu fid-djar, b’aktar informazzjoni ta’ x’qed joffri dan il-Gvern.

Il-proġett tax-shore-to-ship

Qal ukol li “rridu nkomplu ninvestu fi proġetti li jagħtu lill-poplu arja iktar nadifa, għalhekk jissokta l-proġett tax-shore-to-ship fil-Port il-Kbir, filwaqt li issa ser ikunu ppubblikati wkoll is-sejħiet għallofferti

b’rabta mal-proġett shore-to-ship fin-port Ħieles.

Tnedija ta’ żewġ proġetti relatati ma’ batteriji għall-ħażna tal-enerġija rinnovabbli

Wara s-suċċess tal-proġett pilota ta’ batteriji għall-ħażna tal-enerġija rinnovabbli fiċ-Ċentru edukattiv l-Għajn, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-ilma ser tniedi żewġ proġetti oħra f’binjiet pubbliċi sabiex tiġi esebita l-applikazzjoni ta’ din it-teknoloġija f’Malta.

Fond biex binjiet tal-Gvern jiġu mgħammra b’sistemi ta’ pannelli solari

“Nemmnu li l-Gvern għandu jkun ta’ eżempju għall-qalba lejn l-enerġija rinnovabli. Għalhekk ser nallokaw fondi biex fejn huwa teknikament possibbli, il-binjiet tal-Gvern jiġu mgħammra b’sistemi ta’ pannelli solari, biex b’hekk parti sostanzjali tal-konsum tal-Gvern tkun ipprovduta minn sorsi rinnovabbli”, qal il-Ministru tal-Finanzi.

Installazzjoni ta’ dawl ġdid u effiċjenti fit-toroq tal-Belt Valletta

Mill-iżgħar sal-akbar proġett, irridu li l-ġonna u l-ispazji miftuħa jkunu awtosuffiċenti fl-immaniġġjar tal-ilma u bl-installazzjoni ta’ dawl minn enerġija rinnovabbli. Matul l-2022, ser issir l-installazzjoni ta’ dawl ġdid u effiċjenti fit-toroq tal-Belt Valletta, inkluż fuq binjiet ta’ interess u faċċati ta’ knejjes. Matul it-tieni fażi, il-proġett se jkun qed jara disinn u installazzjoni ġdida ta’ dwal mar-ring road tal-Belt u żoni pedonali.

Skema ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-komunitajiet permezz tal-Kunsilli Lokali

Il-Ministru Caruana qal ukoll li “biex insaħħu l-kunċett ta’ żvilupp Sostenibbli fil-komunitajiet tagħna, ser inkunu qed nallokkaw fondi biex Kunsilli Lokali jwettqu proġetti f’dan il-qasam. Dan ser isir permezz ta’ Designing Sustainable Localities Competition’ fejn ser ikunu jistgħu jitressqu proposti b’għanijiet tanġibbli li jilħqu l-miri tal-iżvilupp sostenibbli fuq livell lokali u jindirizzaw it-tibdil fil-klima. Sabiex nirrikonoxxu l-ħidma ta’ min qed ikun katalist fit-tibdil tal-klima, l-iżvilupp tal-ekonomija l-ħadra u ċirkolari u l-prosperità, se nvaraw is-Sustainable Development Awards.”

Tqassim ta’ starter-kit bi prodotti sostenibbli għat-trabi

Kompla jgħid li “biex anke l-ġenituri jkunu parteċipi, ser inkunu qed inqassmu starter-kit bi prodotti sostenibbli għat-trabi lill-ġenituri li jkollhom wild ġdid.”

Sport