Tuesday, November 10, 2026
Home BUDGET Żewġ diskorsi: Bejn min jiddeċiedi u min ddeċieda li ma jiddeċidix

Żewġ diskorsi: Bejn min jiddeċiedi u min ddeċieda li ma jiddeċidix

0
45

Il-Prim Ministru wera’ biċ-ċar fil-kontro replika tiegħu x’ikun Gvern li jiddeċiedi  – anzi li jkompli jiddeċiedi meta madwarna jkun hemm biss l-għawġ u l-instabiltà! U huwa dan is-sens ta’ deċiżjoni li qed joffri żewġ affarijiet: L-ewwelnett l-istabiltà biex il-pajjiż jimxi ‘l quddiem u t-tieni nett is-serħan il-moħħ li pajjiżna jista’ jkompli jattira l-investiment u allura x-xogħol.

Pero’ s-sens ta’ deċiżjoni tal-Gvern trid titqabbel ma’ dak li qed ikun offrut fuq in-naħa l-oħra. Wara kollox erba’ xhur ilu biss seta’ kien il-PN li spiċċa fil-Gvern.

Nhar it-Tnejn il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg offra viżjoni mingħajr direzzjoni ċara ta’ x’irid differenti mill-Gvern preżenti fuq l-aktar kwistjonijiet li dwarhom jeżisti tħassib mill-poplu.

Imkien ma dehret aktar ċara din l-indeċiżjoni u l-politika tas-sieq ‘l hawn u sieq ‘l hemm daqs fuq il-kwistjoni ta’ ċittadini minn pajjiżi barra l-UE (TCNs). Filwaqt li akkuża lill-Gvern li qed jipprova jirranġa sitwazzjoni li ġab b’idejh hu stess, fl-ebda istanza f’sagħtejn sħaħ il-Kap tal-Oppożiżżjoni ma ppronunzja ruħu kontra jew favur miżuri li jolqtu TCNs. Fl-ebda ħin ma ippropona miżuri mtejjba, differenti jew inkella saħansitra t-tneħħija tal-miżuri nfushom, imma niġu għal dan kollu iktar ‘l quddiem.

Deċiżjonijiet, deċiżjonijiet…

It-taraġ ta’ Kastilja mhuwiex xi ħolma jew ambizzjoni personali li tersaq lejha billi tiftaħ uffiċċju kantuniera bogħod, imma hija sfida li tirrikjedi deċiżjonijiet xi minn daqqiet ta’ sfida.

Dr Robert Abela bħala Prim Ministru kellu jiddeċiedi fuq uħud mill-aktar sfidi internazzjonali diffiċli. Il-pandemija, il-gwerra fl-Ukrajna, sfidi ta’ taqlib politiku u fuq kollox sfidi ta’ inflazzjoni. Dan biex ma nsemmux sfidi li mhumiex ekonomiċi u li xorta il-Gvern ta’ Abela ried jiddeċiedi dwarhom: Sfidi ta’ inċidenti jew imwiet fuq siti ta’ kostruzzjoni, sfidi ta’ żvilupp li jibqa’ għaddej waqt appell, sfidi ta’ klima li qed jaffetwa l-agrikoltura, sfidi ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti f’ġurijiet jew inkella inkjesti maġisterjali u sfidi ta’ prattiċi ta’ xogħol ġodda.

Ejja nifhmu ftit minn dawn l-isfidi.

Il-Covid fissret li l-pajjiż ġġammja, l-arjuport għalaq, ħafna negozji għalqu l-bibien u eluf kbar ta’ impjiegi ġew ipperikolati.

U kif ħriġna minnha? Bilkemm intilef impjieg, ir-rota baqgħet iddur grazzi għal inizzjattivi bħall-vouchers, eluf ta’ impjiegi ġew salvati grazzi għal Wage Supplement u Malta kienet eżempju għal pajjiżi oħra fl-ivvaċinar tal-poplu. Kollu riżultat ta’ deċiżjonijiet.

Il-gwerra fl-Ukrajna fissret sfida qawwija fl-enerġija minħabba sanzjonijiet, sfidi minħabba l-għoli tal-prezzijiet speċjalment qamħ u ċereali u sfidi marbuta mad-diplomazija u n-newtralità.

U kif ħriġna minnha? Biljuni (mhux miljuni – imma biljuni!) ta’ ewro ġew investiti f’sussidji li grazzi għalihom il-Gvern żamm l-istabiltà. Li fissret illi l-industrija, in-negozji, il-pensjonanti, il-familji, il-lukandi minflok għotru taħt il-piż tal-kont tad-dawl baqgħu għaddejjin b’saħħa.

U dan fisser li baqa’ għaddej l-investiment, baqa’ jinħoloq ix-xogħol, baqgħet tikber l-ekonomija u baqa’ jikber il-konsum tiegħek. Bqajt toħroġ, bqajt tonfoq, bqajt taħdem, bqajt tħallas it-taxxa u allura il-Gvern baqa’ jkollu dħul qawwi.

Il-Gvern ħa inizjattivi oħrajn: Żamm il-prezzijiet ta’ diversi prodotti stabbli, issussidja lill-importaturi tal-qamħ u l-ġwież u ippreżenta budget wara ieħor b’ħemel ta’ inizjattivi.

Lokalment qamu diversi sfidi li waslu jew qed iwasslu għal bidliet.

Riforma fil-qasam tal-kostruzzjoni, riforma tal-appelli fejn jirrigwarda żvilupp, il-liċenzjar tal-kuntratturi u bennejja u tant aktar.

Riforma fil-qasam tal-media li għadha mhix fis-seħħ għax kien hemm ħafna interessi li xtaqu illi ddum milli tidħol fis-seħħ. Imma ladarba titressaq se tkun abbozz li jagħti aktar protezzjoni lill-ġurnalist.

Irridu niftakru u nfakkru li kien dan il-Gvern li rriforma l-qasam tax-xogħol, irregola t-temping agencies biex jinqata’ l-abbuż u ġew rregolati ħaddiema tal-pjattaforma, il-maġġoranza tagħhom TCNs. Kien Gvern ta’ Robert Abela li rregola s-suq tal-Y plates u  kien taħt Gvern Laburista li membri tal-forzi dixxiplinati setgħu jidħlu f’union.

Biex meta timxi n-narrattiva li l-Gvern tilef ruħu, niftakru u nfakkru!

Budget ta’ deċiżjonijiet

Kull miżura hija minnha nnifisha deċiżjoni.

Li l-Gvern reġa’ se jestendi t-Tax Brackets għall-familji hija deċiżjoni favur il-kwalità tal-ħajja.

Li l-Gvern se jerġa’ jżid il-pensjonijiet, id-dħul tar-romol, il-bonus annwali għal dawk bla pensjoni u l-ħlas tal-Carer at home hija deċiżjoni favur il-vulnerabbli.

Li l-Gvern qed iġedded l-iskemi tad-depożiti tal-10%, il-First u Second Time Buyers u skemi oħrajn hija deċiżjoni favur dak iż-żgħażugħ jew inkella favur dik il-mara li għadha kif isseparat u jixtiequ jixtru dar

Li l-Gvern se jżomm kelmtu u jagħti s-Super Bonus hija deċiżjoni favur Gvern tal-irġulija.

Li l-Gvern se jnaqqas it-taxxa għan-negozji minn 35% għal 25% hija deċiżjoni favur negozju aktar b’saħħtu.

€400 miljun f’sussidji u €400 miljun oħra għas-sena d-dieħla hija deċiżjoni favur l-istabiltà

U iva, ċerti ħlasijiet ġodda għal bnedmin (għax dawn bnedmin mhux ħaddiema biss!)  li għadhom jaslu Malta hija deċiżjoni favur ir-responsabilità, favur sens ta’ dover u dmir lejn is-servizzi mogħtija mingħajr ħlas. Lejn pajjiż li jibqa’ jattira x-xogħol.  

Li l-Gvern se jerġa’ jinvesti €100 miljun fl-AI hija deċiżjoni għall-futur

U iva, li t-turisti jħallsu €5 kull darba li jmorru Kemmuna hija deċiżjoni għall-futur ta’ wirt artna

Li l-Gvern imbarka fuq proġetti kbar f’San Vinċenz De Paule, fl-estensjoni tal-emerġenza u f’unit ġdid tas-saħħa mentali hija deċiżjoni favur saħħtek.

It-terapiji mingħajr ħlas għal tfal b’diżabilità mhijiex biss wegħda mwettqa imma deċiżjoni favur l-aktar vulnerabbli fost il-vulnerabbli.

Kollox deċiżjoni u d-deċiżjonijiet il-Gvern ħadhom.

Alex26: Sieq l’hawn u sieq ‘l hemm

Jekk hemm frażi bl-Ingliż li toqgħod perfetta għall-Kap tal-Oppożizzjoni hija din: ‘You can’t run with the hare and hunt with the hound!’ Bil-Malti ngħidu: ‘Ma tistax tinħabb ma’ Alla u max-Xitan.”

Minkejja telfiet kbar – u akbar minn dawk li sofra Dr Borg – il-mexxejja ta’ qablu deheru li qed jintrabtu ma’ kwistjoni u jiġġieldu l-elezzjonijiet fuq il-governanza. Kwistjoni li deher ċar illi kienet qed timmobilizza sezzjoni tal-poplu (primarjament nies li qatt ma vvotaw PL) imma mhux il-maġġoranza.

X’għamel Alex Borg? Iddeċieda li ma jibqax jagħmel lill-PN partit ta’ kwistjoni waħda. Sa hemm ħafna jaqblu.

Il-problema hi li minflok Dr Borg prattikament neħħa kważi għal kollox il-governanza mit-taħdit politiku tal-Oppożizzjoni u minflok spiċċa mingħajr kawża waħdanija illi fiha qed iwiegħed li jista’ jkun differenti!

Simon Busuttil, Adrian Delia u anke Bernard Grech qalu (jekk il-poplu emminx jew le din l-istqarrija hija kwistjoni oħra ġġudikata mill-poplu f’elezzjonijiet diversi) li Gvern Nazzjonalista ġdid kieku elett kien ikun aktar “onest” u “nadif” mill-Partit Laburista. Alex Borg x’qed iwiegħed differenti mill-Partit Laburista illum?

Id-diskors ta’ nhar it-Tnejn ħalla lil kulħadd bla risposta.

Kieku f’Ġunju ħa l-ġurament ta’ Prim Ministru, x’tip ta’ ekonomiia kien jibda jibni f’dan il-budget? Għax filli konna nisimgħu kemm hawn ħaddiema barranin u f’daqqa waħda Dr Borg stqarr li jekk jitilqu mqar ftit minn dawn l-ekonomija tikkrolla. Mela xi jrid eżatt? Ekonomija li tattira aktar jew inqas nies?

Kieku f’Ġunju ħa l-ġurament ta’ Prim Ministru, Alex Borg kien lest iwaqqaf il-permessi ta’ lukandi jew permessi għal aktar appartamenti, jew isejjaħ għal moratorju fuq il-bini sakemm isir il-carrying capacity li kien wiegħed fl-aħħar kampanja?

Kieku llum Alex Borg qiegħed Kastilja (mhux ħdejha – ġo fiha!) liema impjiegi ta’ barranin suppost żejda kien inaqqas? Tat-taxis, tal-infermiera, tal-pjattaforma, tal-kostruzzjoni, tal-ġbir tal-iskart? Fejn qegħdin dawn l-hekk imsejħa ‘xogħlijiet żejda?’

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma offriex soluzzjonijiet għal dawk li sejjaħ problemi li qed jiffaċċja l-poplu.

Sieq ‘l hawn sieqa ‘l hemm: Kontra l-barranin, imma kontra li jitnaqqsu.

Kontra l-iżvilupp, imma favur li l-iżvilupp jibqa’ għaddej (tiftakruha tat-torrijiet f’Għawdex?)

Kontra l-kaċċa mal-ambjentalist, imma favuriha mal-kaċċatur.

Kontra l-overtourism, imma kontra miżuri li jistgħu igerxu tip ta’ turist.

Favur id-dixxiplina f’postijiet bħas-Swieqi, imma mbagħad malli kien hemm membri tal-armata mal-pulizija fil-lokalità sirna pajjiż militari.

Kontra l-mudell ekonomiku, imma mbagħad favur tiegħu meta jitkellem ma’ familja li tikri short lets

Kontra t-traffiku, imma mbagħad lejlet elezzjoni jintbagħtu l-ittri lil tal-Y plates biex ir-regoli fil-konfront tagħhom jkunu aktar rilassati/inqas iebsin.

Is-Super Bonus? X’ma ntqalx! Ġenneta, Amerikanata, Jixtri l-voti. Issa? Naqblu u nżommuha!

Konklużjoni: Araw x’qal Barak Obama….

Din il-ġimgħa mal-indikazzjoni tar-riżultat tal-elezzjonijiet mid term, l-eks President Amerikan Barak Obama qal hekk fuq Facebook:

“Tonight, the American people sent a clear message — they want… leaders who offer concrete solutions to the challenges they face.”

U preċiż dan il-kliem huwa dak li rajna fl-aħħar diskorsi, l-aħħar budget u l-aħħar snin.

Il-maġġoranza tal-poplu diversi drabi uriet f’elezzjonijiet differenti li minkejja kull dwejjaq, jew kull ilment jew tħassib li jista’ jkollhom Gvern Laburista dejjem sab l-aħjar u l-uniku soluzzjoni vijabbli u reali.

Fl-akbar għawġ, kif qal il-Prim Ministru Abela din il-ġimgħa, l-Gvern kien tarka tal-azzar għall-poplu. U dan il-poplu jirrikonoxxih. Minn naħa l-oħra Alex Borg kien sieq ‘l hawn u oħra ‘l hemm biex b’hekk ma jinten ma’ ħadd.

Dan in-nuqqas ta’ kapaċità li jieħu deċiżjoni ma bdietx issa u lanqas bdiet meta Dr Borg sar Kap tal-Oppożizzjoni. Pero’ kienet u għadha l-aktar fattur li tiddistingwih mill-Prim Ministru.

Mhux kulħadd jaqbel ma’ kull miżura tal-Gvern. Anzi hemm miżuri li wħud – inkluż il-General Workers’ Union – ikkritikaw. U dik hija parti naturali minn demokrazija ħajja u vibranti! Dak fatt!

Imma daqstant ieħor huwa fatt li meta fil-miżien titfa’ s-sens ta’ tmexxija, direzzjoni u stabiltà – kif jgħidu bl-Ingliż the odds are stacked in Abela’s favour! Il-miżien iqaxleb bil-kbir lejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern li jmexxi.

Hekk kien u hekk jidher li se jibqa’ għż-żmien li ġej.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here