Il-produtturi tal-films lokali, l-iżviluppaturi tal-logħob, u l-professjonisti awdjoviżivi kreattivi qed jiġu mħeġġa japplikaw għal rawnd ġdid ta’ finanzjament Ewropew hekk kif il-fergħa MEDIA tal-Programm Ewropa Kreattiva fetħet uffiċjalment is-sejħiet għal finanzjament tagħha għas-sena 2027. Dan il-finanzjament jgħin lit-talent Malti fl-oqsma kulturali u kreattivi billi jipprovdi appoġġ internazzjonali, joffri kollaborazzjoni transfruntiera, u jagħti appoġġ għall-iżvilupp ta’ proġetti innovattivi.
Il-programmi ta’ finanzjament huma mfassla biex jappoġġjaw firxa wiesgħa ta’ setturi awdjoviżivi, inklużi l-logħob tal-vidjo narrattiv, it-teknoloġija immersiva, id-distribuzzjoni tal-films, il-produzzjoni televiżiva, u l-produzzjoni ta’ films dokumentarji.
B’diversi skadenzi għall-applikazzjonijiet li jestendu għall-bidu tas-sena d-dieħla, l-operaturi fis-settur kulturali u kreattiv lokali għandhom opportunità biex jiżguraw appoġġ finanzjarju sabiex iwasslu l-proġetti tagħhom minn kunċett għall-udjenzi globali.
L-opportunitajiet ewlenin ta’ finanzjament huma:
- European Slate Development: Din is-sejħa tappoġġja l-iżvilupp ta’ bejn 3 u 5 xogħlijiet kollaborattivi. L-iskadenza hija l-1 ta’ Diċembru 2026.
- Innovative Tools & Business Models: Sejħa li tiffoka fuq it-tkabbir tal-udjenza, l-għodod diġitali u l-inizjattivi ta’ ekoloġizzazzjoni. L-iskadenza hija l-14 ta’ Jannar 2027.
- Video Games & Immersive Content Development: Finanzjament iddedikat għal-logħob tal-vidjo narrattiv u proġetti interattivi. L-iskadenza hija t-2 ta’ Frar 2027.
- TV and Online Content: Finanzjament indirizzat lejn it-televiżjoni u proġetti online b’appoġġ għax-xandir jew għall-video-on-demand. L-iskadenza hija l-10 ta’ Frar 2027.
- European Co-Development: Sejħa li tappoġġja l-animazzjoni, id-drama jew id-dokumentarji koprodotti għaċ-ċinema jew għall-pjattaformi diġitali. L-iskadenza hija t-3 ta’ Marzu 2027.
It-tim ta’ Creative Europe Desk Malta għandu rwol importanti biex jgħin lill-applikanti Maltin jidentifikaw liema sejħa hija l-aktar rilevanti għalihom, hekk kif jipprovdi assistenza personalizzata u individwali, filwaqt li jorganizza sessjonijiet ta’ informazzjoni u jipprovdi opportunitajiet ta’ networking internazzjonali.
L-assistenza tingħata bla ħlas u tiġi pprovduta kemm online kif ukoll fl-uffiċċju nazzjonali tad-Desk li jinsab fil-Belt Valletta.
Għal aktar informazzjoni, żur is-sit elettroniku www.creativeeuropemalta.mt jew ikkuntattja lir-rappreżentant tal-fergħa MEDIA fuq [email protected].
