Il-Kumitat IMCO japprova b’maġġoranza kbira l-Opinjoni ta’ Agius Saliba dwar id-Data Protection Act

Aqra wkoll

Aktar kmieni llum, il-Kumitat IMCO tal-Parlament Ewropew ivvota b’maġġoranza kbira favur l-Opinjoni mħejjija mill-MEP Alex Agius Saliba dwar id-Data Protection Act.

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tintroduċi emendi għall-Att dwar id-Data (Data Act), ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u r-regoli dwar il-privatezza elettronika (e-Privacy), filwaqt li tipproponi wkoll it-tħassir tar-Regolament dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Pjattaformi u n-Negozji (Platform to Business Regulation).


Bħala rapporteur, Alex Agius Saliba oppona kull forma ta’ deregolamentazzjoni u minflok ħadem biex isaħħaħ ir-regoli dwar id-data li jipproteġu l-interessi taċ-ċittadini u n-negozji Ewropej.


“Filwaqt li nappoġġja l-idea li regoli differenti tal-Unjoni Ewropea dwar id-data jinġabru taħt qafas regolatorju komuni permezz tad-Data Act, kien ċar li ma nistgħux nappoġġjaw xi forma ta’ deregolamentazzjoni li ddgħajjef il-protezzjoni tad-data taċ-ċittadini tagħna. Irnexxielna niksbu l-appoġġ ta’ maġġoranza soda tal-gruppi politiċi favur din l-Opinjoni, li ssaħħaħ l-elementi meħtieġa biex tingħata spinta lill-ekonomija Ewropea tad-data,” qal ir-rapporteur tal-Kumitat IMCO, l-MEP Alex Agius Saliba.


Bħala kategorija speċjali ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni tad-data, l-Opinjoni tintroduċi attur ġdid, dak tar-Rappreżentant Espert tad-Data (Data Expert Representative), li jkun jista’ jinnegozja kundizzjonijiet u termini aħjar għall-użu tad-data.


“Għan-negozji ż-żgħar, bħal ristoranti u lukandi, huwa essenzjali li jkun hemm trasparenza dwar il-mod kif joperaw il-pjattaformi l-kbar tat-teknoloġija. Dawn in-negozji jiddependu fuq dawn il-pjattaformi biex jilħqu lill-klijenti tagħhom, u għalhekk it-tħassir ta’ dawn ir-regoli Ewropej jista’ jwassal għal konsegwenzi serji u mhux intenzjonati. Qed nitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta valutazzjoni xierqa tal-impatt qabel ma tipproponi t-tneħħija tar-regolament dwar il-pjattaformi,” temm jgħid l-MEP Alex Agius Saliba.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport