Tuesday, November 10, 2026
Home Sport Eswatini waslu Malta llum qabel l-impenn kontra l-Maltin nhar il-Ħamis li ġej...

Eswatini waslu Malta llum qabel l-impenn kontra l-Maltin nhar il-Ħamis li ġej fl-Istadium Nazzjonali 

0
45

It-team nazzjonali tal-Eswatini wasal Malta llum wara nofsinhar permezz ta’ titjira diretta minn Dubai biex nhar il-Ħamis jilgħab partita ta’ ħbiberija kontra t-team nazzjonali Malti. 

Din mhux l-ewwel darba li t-team Malti se jilgħab kontra avversarji mill-Afrika, tant li f’Awwissu tas-sena 2011 t-team Malti kien lagħab partita oħra ta’ ħbiberija kontra ċ-Central African Republic u dak inhar Malta kienet ħarġet rebbieħa  bl-iskor ta’ 2-1 bil-goals tal-Maltin jaslu t-tnejn minn Michael Mifsud. 

Din hija l-ewwel darba li t-team ta’ Eswatini se jkun qed jilgħab fl-Ewropa kontra pajjiż mill-konfederazzjoni tal-UEFA, bil-player l-aktar rappreżentattiv ikun Sabelo Ndzinisa li rrapreżenta lill-pajjiżu għal 78 darba u li jlgħab ma’ Green Mamba fil-Premier League ta’ Eswatini. 

Minn sorsi uffiċjali huwa mifhum li l-Eswatini huma tim fiżikament b’saħħtu iżda ma jippossjedux xi teknika partikolari. Madanakollu fir-rankings tal-FIFA jinsabu biss 4 postijiet wara Malta u dan iħalli x’jifhem li l-logħba tal-Ħamis se tkun waħda kompetittiva. 

Għalhekk din se tkun sfida tajba għall-players Maltin tal- coach Emilio De Leo, qabel it-team nazzjonali Malti jaffronta lil Ġibiltá fl-aħħar partita mill-UEFA Nations League nhar it-Tnejn li ġej fil-Victoria Stadium ġewwa Ġibiltá. 

It-team Malti jonqsu punt wieħed biex jaċċerta mill-ewwel post fil-grupp u jekk dan iseħħ ikun temm l-impenji tiegħu f’dan il-grupp mingħajr telfa.  

L-għażla tal-avversarji, li hija kemmxejn insolita, waslet mir-relazzjonijiet tajba li għandu l-president tal-MFA, Bjorn Vasallo fost il-pajjiżi Afrikani membri tal-konfederazzjoni CAF.

Iżda min verament huma Eswatini?

Eswatini, li qabel kienet magħrufa bħala Swaziland, huwa pajjiż żgħir mingħajr kosta li jinsab fin-Nofsinhar tal-Afrika, bejn l-Afrika t’Isfel u Mozambique. 

Il-pajjiż għandu popolazzjoni ta’ madwar 1.2 miljun ruħ u kiseb l-indipendenza mir-Renju Unit fis-6 ta’ Settembru 1968. Il-kapitali amministrattiva hija Mbabane, filwaqt li Lobamba hija ċ-ċentru rjali u leġiżlattiv.

It-team nazzjonali tal-football tal-irġiel huwa magħruf bħala Sihlangu Semnikati, li tfisser “It-Tarka tar-Re”. 

It-team huwa affiljat mal-FIFA u mal-Konfederazzjoni Afrikana tal-Football (CAF), u jikkompeti fil-kompetizzjonijiet internazzjonali u reġjonali Afrikani.

Eswatini għadhom qatt ma kkwalifikaw għall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA jew tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani. 

Madankollu, it-team kiseb it-tielet post fit-tournament reġjonali COSAFA Cup fl-2016 u fl-2021.

Il-konfront ta’ ħbiberija kontra Malta se jipprovdi lit-team ta’ Eswatini opportunità biex jikseb esperjenza internazzjonali kontra avversarji Ewropej, filwaqt li jkompli jħejji ruħu għall-impenji kompetittivi li jmiss.

Din il-partita għandha wkoll sinifikat storiku għal Eswatini, peress li se tkun l-ewwel darba li t-team nazzjonali jilgħab partita ta’ ħbiberija kontra pajjiż Ewropew.

L-akbar rebħa li rreġistraw kienet kontra Djibouti bl-iskor ta’ 5-0, fid-9 ta’ Ottubru, 2015, filwaqt li l-akbar telfa li sofrew kienet ta’ 10-0 kontra l-Eġittu, nhar it-22 ta’ Marzu, 2013. 

Bħalissa huma kklassifikati fil-164 post fir-rankings tal-FIFA filwaqt li tinsab fil-160 pożizzjoni.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here