Tuesday, November 10, 2026
Home BUDGET Malta Miegħek: Investiment fis-saħħa, fil-pazjent u fil-professjonist

Malta Miegħek: Investiment fis-saħħa, fil-pazjent u fil-professjonist

0
45

Il-Budget ippreżentat mill-Ministru Clyde Caruana kellu aċċenn partikolari fuq wieħed mill-aktar setturi kruċjali, li tassew jagħmlu differenza lin-nies fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum; Is-saħħa.

It-Torċa ġabret flimkien uħud mill-aktar miżuri importanti tas-saħħa mħabbrin fil-Budget, bit-tema Malta Miegħek. Miżuri li huma mibnijin fuq tliet aspetti kardinali: Aktar kapaċità, kura aħjar u servizzi eqreb lejn il-pazjent. Aktar aċċess għal servizzi u mediċini permezz tat-tobba privati tal-familja u aktar investiment fl-infrastruttura, fil-mediċini, fid-diġitalizzazzjoni u fil-prevenzjoni.

Investiment qawwi fl-Isptar Mater Dei

Bla dubju li l-akbar proġett li se jkun jaħdem fuqu l-Gvern fl-2027 f’dan il-qasam huwa t-tkabbir tal-Emerġenza u swali ġodda għall-kura tas-saħħa mentali fl-Isptar Mater Dei. Dan se jfisser:

  • Investiment ta’ €120 miljun – l-akbar tkabbir ta’ Mater Dei minn meta nfetaħ.
  • Emerġenza: Minn 35 għal 70 spazju għat-trattament
  • Aktar riżorsi għall-emerġenza pedjatrika u faċilitajiet aħjar għall-ħaddiema.
  • Unit ġdid għall-kura akuta tas-saħħa mentali: 135 sodda u ġnien terapewtiku.
  • Ix-xogħlijiet bdew f’Awwissu u bħalissa għaddej l-iskavar

F’Mater Dei ukoll se jsir investiment ta’ bini ġdid għad-Dipartiment tal-Immaġini Mediċi. L-istruttura prinċipali ta’ din il-binja fuq żewġ sulari hija lesta, bit-trasferiment tal-uffiċini u faċilitajiet għaddejjin biex jinħoloq spazju għal CT Scan, MRI u tagħmir ieħor.

L-għan ta’ dan il-proġett huwa li d-Dipartiment ikollu aktar kapaċità dijanostika, aktar servizzi speċjalizzati u inqas stennija.

Inħarġet ukoll sejħa għal Ċentru ġdid ta’ distribuzzjoni tal-elettriku għall-Isptar Mater Dei. Dan se jfisser żewġ feeders addizzjonali ta’ 33 Kv miċ-ċentru ta’ distribuzzjoni tal-Kalkara, tisħiħ tal-provvista u l-infrastruttura tal-elettriku ta’ emerġenza għall-kontinwità tas-servizzi u kapaċità addizzjonali ta’ elettriku biex jilqa’ għall-Emerġenza, il-unit tas-saħħa mentali u l-binja tal-Immaġini Mediċi.

Dak li qed jitwiegħed għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Fix-xhur u s-snin li ġejjin il-Gvern se jkun qed ikompli jinvesti fil-qasam tas-saħħa f’Għawdex. Fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex il-Gvern se jinvesti:

  • F’9 kliniċi addizzjonali għall-outpatients u kamra għal proċeduri minuri
  • Espansjoni tat-teatri tal-operazzjonijiet
  • Ippjanat spazju ddedikat għas-saħħa tan-nisa
  • Aktar kura f’Għawdex, inqas vjaġġar u servizzi li jistgħu jikkumplimentaw lil Mater Dei
  • Il-helipad il-ġdida tlestiet — titjib fit-trasferimenti ta’ emerġenza – il-ħin tat-trasportazzjoni naqas b’10 minuti

Saħħa mentali: Monte Karmeli u l-komunità

Is-saħħa mentali telgħet pjuttost ‘l fuq fl-aġenda nazzjonali u l-għarfien dwar din ir-realtà kiber. Dan wassal biex tikber ukoll l-apettattiva għal investiment ġdid kif ukoll ħarsa lejn ir-realtà ġewwa Monte Karmeli.

Kif diġà ssemma’ l-Gvern qed jinvesti f’unit tas-saħħa mentali li se jkun inkorporat f’Mater Dei. Iżda apparti minn hekk għaddejjin diversi xogħlijiet u hemm pjanijiet diversi.

Bħalissa qed tkompli l-implimentazzjoni ta’ titjib f’Monte Karmeli, fosthom ta’ rinovar ta’ sala. Se jitkompla x-xogħol fuq il-ġonna ta’ Monte Karmeli biex jiġu ttrasformati fi ġnien terapewtiku, filwaqt li fl-2027 se jitlestew żewġ ċentri reġjonali tas-saħħa mentali: F’Bormla u l-ieħor fiċ-ċentru ta’ Malta.

Il-Gvern, matul l-2027, se jkun qed jinvesti wkoll f’aktar servizzi tas-saħħa mentali perinatal.

Interessanti hawn li jinfetaħ parantesi dwar dan: F’Awwissu ġie introdott programm nazzjonali ta’ screening għan-nisa tqal, bi pjanijiet li jiġi estiż għall-ommijiet fl-ewwel sena wara t-twelid, kif ukoll għall-missirijiet u partners. Dan minħabba li qed jinstab li sfidi ta’ saħħa mentali marbuta mat-tqala jseħħu kemm waqt it-tqala iżda wkoll wara.

Ċentri tas-saħħa u s-servizz tas-saħħa fil-komunità

Il-Gvern qed ikompli b’investiment ma jaqta’ xejn ukoll fil-kura fil-komunità, sabiex kemm jista’ jkun u għal kemm jista’ servizzi, persuni (speċjalment anzjani) ma jkollhomx għalfejn jitilgħu l-Isptar Mater Dei.

Wieħed mill-akbar proġetti f’dan il-qasam huwa dak li jitratta ċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana. Dan se jiġi trasferit lejn Boffa bix-xogħlijiet tal-installazzjonijiet jibdew diġà.

Intant qed tkompli l-ħidma ta’ rinovazzjonijiet fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta u ta’ Bormla.

Proġett ieħor se jkun dak taċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm, li minn Gwardamangia se jkun qed jimxi għal San Ġwann.

Fl-iskejjel imbagħad se jkun qed jibda proġett pilota ta’ screening għall-obeżità.

Il-Mediċini u l-Pharmacy of Your Choice (POYC)

Il-Gvern, fl-aħħar 14-il sena ħadem qatigħ biex ikun hemm aktar mediċini fuq il-formolarju tal-Gvern – biex l-anzjani jkollhom aktar mediċini li jistgħu jaċċessaw mingħajr ħlas.

F’dawn l-ewwel 100 jum diġà kien hemm numru ta’ mediċini ġodda li tpoġġew fil-formolarju, bil-Gvern jaċċerta li l-prijorità se tkompli tingħata skont l-evalwazzjoni tal-esperti u l-ħtiġijiet kliniċi tal-pazjent.

Kif għamel diversi drabi fl-aħħar snin il-Prim Ministru Robert Abela u anke d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Ian Borg se jibqgħu jitkellmu f’diversi fora sabiex tkun aċċertata l-provvista u anke prezz ġust tal-mediċini għal Malta, minkejja li l-pajjiż huwa suq żgħir.

Kura barra minn Malta

U finalment, il-Gvern kompla jsaħħaħ ukoll il-kura li tkun teħtieġ tingħata barra minn Malta, filwaqt li jgħin lil dawn il-pazjenti f’dan il-mument hekk sensittiv.

Sal-lum il-Gvern ikopri l-ispejjeż tat-tfal li jkunu sejrin għall-kura u taż-żewġ ġenituri wkoll. Mill-2027, miżura tal-Budget se tfisser li se jkunu koperti wkoll l-ispejjeż ta’ persuna li takkumpanja pazjent adult.

Dan ifisser inqas piż finanzjarju fi żmien fejn dan ikun piż psikoloġiku wkoll.

“Il-Budget 2027 ikompli jinvesti f’servizzi tas-saħħa u tal-kura tal-anzjani li jagħtu serħan il-moħħ lill-familji, b’aktar kapaċità fl-isptarijiet, aktar kura fil-komunità u appoġġ konkret lill-pazjenti u lill-anzjani.”

Saħaq dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Anzjanità Attiva, Deo Debattista, waqt konferenza tal-aħbarijiet dwar il-miżuri tal-Budget relatati maż-żewġ oqsma ftit ġranet wara l-preżentazzjoni tal-Budget għall-2027.

“Dan il-Budget ikompli jsaħħaħ il-ħidma tagħna biex il-pazjenti jingħataw il-kura li jeħtieġu, meta jeħtiġuha u eqreb lejhom. Qed ninvestu fl-istituzzjonijiet mediċi tagħna, iżda wkoll fil-komunità, fil-mediċini u fil-professjonisti tagħna. Il-prijorità tagħna hija li nwettqu dawn il-miżuri, biex il-pazjenti u l-familji tagħhom iħossu d-differenza fil-ħajja ta’ kuljum,” qal id-Deputat Prim Ministru Ian Borg.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here