Tikteb Claire Micallef (Uffiċjal għall-Informazzjoni, Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur)
Meta konsumatur jixtri prodott mingħand bejjiegħ, kemm minn ħanut fiżiku kif ukoll permezz ta’ mezzi mill-bogħod bħal online, japplikaw regoli legali dwar meta l-prodott għandu jasal għand il-konsumatur. Skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, il-bejjiegħ għandu jwassal il-prodott fi żmien mhux aktar minn tletin (30) ġurnata minn meta jsir il-kuntratt tax-xiri. Dan sakemm il-bejjiegħ u l-konsumatur ma jkunux qablu fuq data speċifika meta għandha ssir il-kunsinna tal-prodott ordnat.
Jekk il-kunsinna ma tkunx tista’ ssir f’dawn it-30 ġurnata jew fiż-żmien li jkun ġie miftiehem bejn il-partijiet, il-konsumatur għandu jikkomunika mal-bejjiegħ u jagħtih perjodu addizzjonali raġonevoli biex iwettaq il-kunsinna. Jekk il-bejjiegħ xorta ma jirnexxilux iwassal il-prodotti sa din id-data l-ġdida, il-konsumatur ikollu il-possibbiltà li jħassar il-kuntratt tax-xiri u jitlob rifużjoni tal-flus li jkun ħallas.
Meta fuq il-kuntratt tax-xiri jkun hemm data speċifika tal-kunsinna u jkun hemm miktub ukoll li hu importanti li tinżamm din id-data, il-konsumatur mhuwiex obbligat li jagħti estensjoni ta’ żmien biex issir il-kunsinna. Dan jgħodd ukoll meta l-bejjiegħ jagħmilha ċara li ma jkunx ser iwassal il-prodotti ordnati sa meta għandu bżonnhom il-konsumatur. Dawn ir-rekwiżiti jgħoddu kemm għall-prodotti ordnati mill-bogħod, bħall-pereżempju online kif ukoll meta l-prodotti jiġu ordnati mill-ħanut.
Problema oħra li l-konsumaturi jistgħu jiltaqgħu magħha, partikularment meta jordnaw prodotti online, hija meta l-oġġetti ma jaslux minħabba li jintilfu matul il-proċess tal-kunsinna. F’dawn il-każijiet, jekk il-kunsinna tkun parti mill-kuntratt tax-xiri, il-bejjiegħ jibqa’ responsabbli u f’każ li jintilfu l-prodotti jkollu l-obbligu li jipprovdi rimedju.
Huwa importanti ħafna li l-konsumaturi jinfurmaw lill-bejjiegħ bil-miktub li ma rċevewx il-prodotti skont id-data miftiehma. Imbagħad jekk il-prodotti jibqgħu ma jinstabux, il-konsumaturi jkollhom id-dritt jagħżlu bejn li jerġgħu jintbagħtulhom il-prodotti ordnati, jew li jingħataw rifużjoni tal-flus li jkunu ħallsu.
Il-konsumaturi huma wkoll intitolati għal rimedju meta l-prodotti li jirċievu jkunu difettużi jew inkella ma jkunux skont il-ftehim tax-xiri. Jekk il-bejjiegħ ikun responsabbli għall-kunsinna u l-prodotti jiġrilhom xi ħsara waqt it-tranżitu, il-bejjiegħ jibqa’ l-persuna responsabbli li jipprovdi rimedju b’xejn.
Għalhekk, malli jirċievu l-prodotti, l-konsumaturi għandhom jispezzjonawhom bir-reqqa sabiex jiżguraw li huma f’kundizzjoni tajba u m’għandhomx difetti. F’każ li wieħed jinduna b’xi difett għandu jinforma lill-bejjiegħ kemm jista’ jkun malajr. Dan speċjalment jekk il-bejjiegħ jagħti perjodu speċifiku lill-konsumaturi biex matulu jirrapurtaw difetti viżibbli. Normalment dan il-perjodu jkun imniżżel fil-kuntratt tax-xiri. Filwaqt li hi r-responsabbiltà tal-konsumaturi li josservaw dan il-perjodu, il-bejjiegħa għandhom jaraw li jagħtu żmien raġjonevoli.
Sakemm il-prodotti ma jkunux inxtraw mill-bogħod jew lill-hinn mill-post tan-negozju, il-konsumaturi ġeneralment ma jkollhomx id-dritt ibiddlu fehmthom u jirritornaw il-prodotti lura għand il-bejjiegħ. Madankollu, jekk wara ċertu żmien il-prodotti jiżviluppaw difett jew jirriżulta li ma kienux konformi mal-kuntratt tax-xiri, il-konsumaturi xorta jkunu jistgħu jilmentaw mal-bejjiegħ u jkollhom ukoll id-dritt li jitolbu rimedju skont il-garanzija legali li toħroġ mill-liġi tal-konsumatur.
F’każ ta’ xiri mill-bogħod, bħal xiri online, jew lill-hinn mill-post tan-negozju, il-konsumaturi jibbenefikaw ukoll mid-dritt ta’ rtirar ta’ erbatax-il (14) ġurnata (cooling-off period). Matul dan iż-żmien, il-konsumaturi jistgħu jbiddlu fehmthom, iħassru x-xiri mingħajr ma jkollhom bżonn jagħtu raġuni, jirritornaw il-prodott lura għand il-bejjiegħ u jitolbu rifużjoni totali tal-flus li jkunu ħallsu.
Madankollu, f’dawn is-sitwazzjonijiet il-konsumaturi jaf ikollhom iħallsu l-pustaġġ biex jibagħtu l-prodotti li ma jridux lura għand il-bejjiegħ. Meta dan ikun il-każ, il-bejjiegħ hu obbligat li jinforma lill-konsumaturi b’dan il-ħlas qabel ma jsir il-kuntratt tax-xiri. Jekk il-konsumatur ma jingħatax din l-informazzjoni, il-bejjiegħ ikollu jħallas għall-pustaġġ tal-prodotti.
L-iskop ta’ dan l-artiklu huwa biss li jipprovdi informazzjoni u mhux li jagħti parir legali. F’każ ta’ ilment jew bżonn ta’ aktar informazzjoni tista’ tikkuntattja lill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur fuq il-consumer helpline 8007 4400 jew in-numru tat-telefown 2395 2000.




