Tuesday, May 14, 2024

BUDGET 2023: RUĦ SOĊJALI

Aqra wkoll

€9.90 fil-ġimgħa żieda għall-għoli tal-ħajja

Il-Ministru Caruana qal li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja se tkun ta’ €9.90 fil-ġimgħa. Din iż-żieda se tingħata lill-impjegati kollha, lill-pensjonanti kif ukoll lil dawk fuq il-benefiċċji soċjali. L-istipendji tal-istudenti se jkunu qed jiżdiedu pro-rata.

Żieda lill-pensjonanti ta’ €12.50 fil-ġimgħa

Huwa ħabbar ukoll li ż-żieda għall-pensjonanti Maltin u Għawdxin din is-sena se titla’ għal €12.50 fil-ġimgħa inkluż il-COLA. Dan ifisser li dan il-Gvern se jkun qed iżid lill-pensjonanti b’€650 fis-sena. Dan jissarraf f’żieda totali ta’ €65 miljun fil-bwiet ta’ 100,000 pensjonant. 

Jiddaħħal il-mekkaniżmu tal-COLA

Se jiddaħħal ukoll il-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA għal dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. 80,000 persuna u 37,000 familja se jibbenefikaw minn għotja addizzjonali għall-għoli tal-ħajja. Dawn il-familji se jibdew jirċievu dan il-kumpens qabel dan il-Milied. Din il-miżura se tiġi tiswa bejn €10 u €11-il miljun fis-sena.

Se jiżdied għal darba oħra b’€200 l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jiġi injorat fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali. B’hekk matul l-2023, is-somma eżentata għal dan l-iskop se titla għal €3,266. 

Se jkompli jiġi aġġustat b’mod gradwali r-rata tal-pensjoni tar-romol biex sal-aħħar tal-leġiżlatura tkun ekwivalenti għall-pensjoni tal-konjuġi tagħhom li jkun ġie nieqes. 

Dritt għall-benefiċċji short-term lill-ħaddiema li jirċievu pensjoni tar-romol

Sal-lum ħaddiema li jkunu qed jirċievu pensjoni tar-romol għax ikunu romlu ta’ età żgħira mhumiex intitolati għall-benefiċċji kontributorji tal-qgħad, mard jew korriment fuq ix-xogħol minħabba li jkunu qed jirċievu l-pensjoni tar-romol.

Mis-sena li ġejja dan ser jinbidel u issa ser ikunu jistgħu jiġu intitolati għal dawn il-benefiċċji wkoll jekk jiġu bżonnhom u skont il-ħlas tal-bolla.

Mis-sena d-dieħla se jibdew jingħataw sentejn krediti ta’ bolol lil kull min ma jkunx ħadem għal xi perjodu bejn l-età ta’ 18 u 30 sena u jkun iċċertifikat li matul dak il-perjodu jkun irċieva kura regolari minn psikjatra li jku jew li kie konsulent impjegat mal-Gvern.

Se jiżdied b’€50 il-bonus ta’ kull sena għal persuni li jkunu laħqu l-età tal-irtirar iżda ma jikkwalifikawx għall-pesjoni għax ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet.

Ikomplu jiġu indirizzati l-inġustizzji tal-passat

Is-sena d-dieħla se jerġgħu jkunu vvutati €8 miljun oħra sabiex ikomplu jsiru l-pagamenti dovuti lill-eks ħaddiema tal-Korpi li wara kienu daħlu fis-servizz pubbliku, apprentisti u studenti ħaddiema. 

Se jkunu vvutati €2 miljuni oħra sabiex jibdew jiġu indirizzati gradwalment numru ta’ anomaliji oħra kif imwiegħed fil-Manifest Elettorali. Għal dan il-għan, il-Kabinett ftit tal-ġimgħat ilu approva l-ħatra ta’ kumitat li ser ikun qed jissorvelja l-proċess kollu tul din il-leġiżlatura. Dan kollu jfisser li mill-2017 sal-2023, se jkun ingħata total ta’ €83.5 miljun biex jiġu indirizzati inġustizzji taħt Gvernijiet preċedenti.

Matul l-2023, se jiżdied l-allowance tat-tfal b’€90 għal kull wild. Din il-miżura se tolqot aktar min 41,100 familja bi 62,000 tifel u tifla u se tiswa €5.6 miljun. 

Se tiddaħħal sistema li biha dawk il-ġenituri li jadottaw il-wild li jkunu qegħdi jiffosterjaw lokalment, se jibqgħu jirċievu parti mill-Foster Care Allowance. Dan filwaqt li se titwessa’ l-iskema 9 intiża biex it-tfal eleġibbli ma jkollhomx jagħżlu mis-servizzi offruti, iżda jkunu eleġibbli għalihom kollha. 

Titjib fit-Tapering tal-Benefiċċji

Fl-aħħar snin saru avvanzi kbar fit-tnaqqis ta’ persuni fuq id-dipendenza soċjali fejn aktar minn 9,000 persuna li kienu jgħixu fuq l-assistenzi soċjali bbenefikaw mill-inċentivi li ddaħħlu bħat-tapering tal-benefiċċji u llum il-ġurnata qed jaqilgħu l-għajxien tagħhom mix-xogħol.

“Għalhekk, is-sena li ġejja ser inkomplu ntejbu t-tapering talbenefiċċji billi dak li jkun jibqa’ jirċievi 10% aktar tal-benefiċċju fit-3 snin imsemmija. B’hekk fl-ewwel sena tax-xogħol jibqa’ jirċievi 75% tal-benefiċċju, fit-tieni sena 55% u fit-tielet sena 35%,” spjega l-Ministru Caruana.

Huwa ħabbar ukoll li se jkun hemm żieda fil-Carers Grant lil ġenituri li ma jaħdmux biex jieħdu ħsieb uliedhom b’diżabilità severa. Dan il-benefiċċju se jiżdied minn €500 għal €4,500 fis-sena.

Għas-sena 2023, se jkunu investiti €4.2 miljun fuq il-kunċett ta’ Assistenti Personali u Indipendent Community Living biex aktar persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom. 

Ġustizzja ma’ benefiċjarji soċjali meta jieħdu ħsieb qarib anzjan

Persuni singoli li jkunu jgħixu għal rashom fuq l-assistenza soċjali u jmorru jgħixu ma’ qarib anzjan biex jieħdu ħsiebu, jekk jikkwalifikaw għall-Allowance għal Carers mhux miżjuda, sal-lum ikollhom tnaqqis fid-dħul tagħhom.

Dan jiġri minħabba li ma jibqgħux intitolati għall-assistenza soċjali għax ma jibqgħux il-kap tal-familja waqt li r-rata talallowance li jibdew jirċievu tkun anqas. Mill-1 ta’ Jannar li ġej se jiddaħħal tibdil li bih dawn il-persuni xorta jibqgħu jirċievu l-istess ammont ta’ benefiċċju li kienu jirċievu qabel u b’hekk se titneħħa din l-anomalija.

Kif imwiegħed, dan il-Gvern se jagħti għotja ta’ €10,000 fuq medda ta’ 10 snin lil kull first time buyer li jakkwista proprjetà ta’ valur li ma jaqbiżx il-€500,000. Dan filwaqt li se tkun estiża l-iskema tal-First Time Buyers, Second Time Buyers u proprjetajiet f’Għawdex.

Il-capping tal-benefiċċju massimu tal-iskema se jiżdied għal €500 fix-xahar għal residenza one bedroom, €600 fix-xahar għal residenza two-bedroom u €700 fix-xahar għal residenza three bedroom. 

F’dan il-budget se tiġi eliminata wkoll anomalija li kellna fis-servizzi soċjali, li fihom jinkludu il-benefiċċji kollha relatati mal-housing.

Se jerġa’ jingħata ċekk lil aktar minn 250,000 ħaddiem bħala rifużjoni tat-taxxa. Din il-miżura se tiswa €26 miljun.

Dan il-budget jipprovi wkoll għall-ikbar investiment li qatt sar fl-ambjent fejn se jkunu investiti €700 miljun fuq medda ta’ seba’ snin, filwaqt li se jintefqu €60 miljun għall-iżvilupp sostenibbli urban f’Għawdex.

Il-miżuri msemmija fil-Budget ma naqsux milli jinkludu wkoll lin-negozji fejn għas-sena d-dieħla l-intrapriżi żgħar u medji se jingħataw €40 miljun f’cash grants.

Tneħħija mit-test tal-mezzi għas-sussidji soċjali mogħtija lil persuni b’diżabilità

F’dan il-baġit se tkun eliminata anomalija li kellna fis-servizzi soċjali tagħna, li fihom jinkludu l-benefiċċji kollha relatati mal-housing. “Kellna sitwazzjoni fejn persuni b’diżabilità kienu qegħdin jiġu mċaħħda minn ċertu għajnuniet għaliex l-għotjiet li kienu jingħataw lilhom minħabba d-diżabilità tagħhom kienu jidħlulhom fit-test tal-mezzi.”

“Minn issa ’l quddiem, sejrin neliminaw l-introjtu kollu li ġej minn allowances tad-diżabilità mill-komputazzjoni tat-test tal-mezzi għal skemi maħruġa mill-Awtorità tad-Djar u b’hekk ser inkomplu ngħinu persuni b’diżabilità jgħixu ħajja independenti u jaċċessaw is-suq tal-proprjetà u tal-kirjiet b’mod sħiħ,” spjega l-Ministru Caruana.

Sport