Waqt żjara f’santwarju tal-annimali, is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Alicia Bugeja Said, responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali, ħabbret li tliet skemi ta’ appoġġ finanzjarju għall-għaqdiet volontarji u għas-santwarji li jaħdmu fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali, se jerġgħu jinħarġu s-sena d-dieħla bħala parti mill-miżuri tal-Budget 2027. Spjegat li fil-Budget ġew allokati fondi speċifiċi biex ikomplu jiġu sostnuti l-organizzazzjonijiet li ta’ kuljum jiddedikaw il-ħidma tagħhom għall-kura u l-protezzjoni tal-annimali f’Malta.
Is-Segretarju Parlamentari ħabbret ukoll li permezz tal-Budget 2027, l-allokazzjoni finanzjarja għall-klinika tal-kura tal-annimali żdiedet b’€700,000 u tellgħet għal €1.35 miljun. Sostniet li din iż-żieda se tipprovdi aktar riżorsi finanzjarji għall-kura tal-annimali, filwaqt li tkompli ssaħħaħ il-kapaċità tas-servizzi offruti f’dan il-qasam.
Is-Segretarju Parlamentari tat ukoll dettalji dwar it-tliet skemi li se jerġgħu jinħarġu matul is-sena li ġejja. Dawn huma:
- Servizzi Veterinarji B’xejn (Free Veterinary Services Scheme), li permezz tagħha s-santwarji tal-annimali japplikaw għar-rimborż ta’ spejjeż veterinarji eliġibbli.
- Manutenzjoni tas-Santwarji tal-Annimali (Maintenance of Animal Sanctuaries Scheme), li tipprovdi għajnuna finanzjarja lis-santwarji tal-annimali li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà, permezz ta’ rimborż għal spejjeż ta’ manutenzjoni. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tassisti lis-santwarji biex iżommu l-faċilitajiet tagħhom fi stat adegwat u jkomplu jipprovdu ambjent sigur u xieraq għall-annimali li jinsabu taħt il-kura tagħhom.
- Fond għall-Ħarsien tal-Annimali (Animal Welfare Fund), li permezz tiegħu għaqdiet mhux governattivi eliġibbli se jirċievu assistenza finanzjarja biex isaħħu l-operat tagħhom, itejbu l-kura u l-protezzjoni tal-annimali, u jkomplu jwettqu l-ħidma tagħhom favur il-benesseri tal-annimali.
Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said sostniet li l-ħarsien tal-annimali jirrikjedi ħidma kontinwa u kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet u dawk kollha li jiddedikaw il-ħin u r-riżorsi tagħhom għal din il-kawża. “Il-ħarsien tal-annimali mhuwiex biss responsabbiltà tal-Gvern, iżda impenn kollettiv li fih l-għaqdiet volontarji u s-santwarji għandhom rwol importanti ħafna. Dawn l-organizzazzjonijiet jagħmlu xogħol imprezzabbli, ħafna drabi b’sagrifiċċji personali u b’riżorsi limitati. Għalhekk, permezz tal-Budget 2027, qed inkomplu nipprovdu għajnuna finanzjarja konkreta sabiex dawn l-għaqdiet ikunu jistgħu jkomplu bil-missjoni tagħhom,” qalet is-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said temmet billi rringrazzjat lill-għaqdiet volontarji, lis-santwarji u lill-ħaddiema kollha involuti fil-ħarsien tal-annimali għall-impenn tagħhom, filwaqt li saħqet li l-Gvern kommess li jkompli jikkollabora mas-settur volontarju sabiex il-ħarsien tal-annimali jibqa’ jingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur għall-Ħarsien tal-Annimali, Dennis Sciberras, spjega l-importanza ta’ dawn l-iskemi għall-ħidma li ssir ta’ kuljum mill-għaqdiet u s-santwarji, kif ukoll għall-kontinwità tas-servizzi relatati mal-ħarsien tal-annimali. “Mill-ħidma tagħna ta’ kuljum naraw kemm l-għaqdiet volontarji u s-santwarji huma essenzjali fis-settur tal-ħarsien tal-annimali. L-ispejjeż veterinarji, il-manutenzjoni tal-faċilitajiet u l-ħtiġijiet operattivi jirrappreżentaw sfidi kontinwi għal dawn l-organizzazzjonijiet. Permezz ta’ dawn l-iskemi qed nipprovdu appoġġ finanzjarju li jgħinhom jindirizzaw parti minn dawn l-ispejjeż u jkomplu jagħtu l-aħjar kura possibbli lill-annimali,” qal Sciberras.
