Bhala psikologa li ilni tal-anqas 20 sena nipprattika, ma nistax ma nagħmilx emfazi pożittiv fuq dak li ġie ddikjarat fid-diskors tal -Ministru Clyde Caruana fid-diskors tiegħu tal-Budget 2023.
Ma’ dan inżid id-dikjarazzjoni skjetta tad-Deputat Prim Ministru li mingħajr ebda kantuniera qal li issa rridu naħdmu biex is-Saħħa Mentali ssir state of the art bħal setturi oħra tas-saħħa f’pajjiżna. Ix-xogħol fil-fatt diġà beda.
Persuna minn kull erbgħa f’pajjiżna, bħal f’pajjiżi oħra, jesperjenzaw problema serja ta’ saħħa mentali f’xi mument f’ħajjithom. Tliet snin ilu il-gvern nieda strateġija għas-saħħa mentali matul għaxar snin, biex “jibni reżiljenza u jittrassforma s-servizzi”. Hu stmat li madwar 150,000 illi se jkollhom problema ta’ saħħa mentali u 30,000 illi se jkollhom problema aktar serja. Minn dawn it-30,000 nikkunsidraw illi għandna 1,100 illi huma dawk li ngħidulhom l-iżjed fil-bżonn. Dawn huma nies fejn il-kundizzjoni tagħhom tkun affettwat ħafna mhux biss lilhom imma l-ħajja tagħhom u ta’ qrabathom, bil-perikli ta’ tbatija qawwija u diffikultajiet kbar biex jgħixu barra mill-isptar. Il-maġġoranza tan-nies li għal xi raġuni, għaddew minn kriżi mentali, kellhom bejn 20 u 40 sena, u l-istastika turi li l-idea li l-aktar li jgħaddu minn dawn il-problemi huma nisa hija żbaljata, għaliex nofs il-persuni li ġew bżonn is-servizz, kienu fil-fatt irġiel. Huwa għal dawn l-1,100 persuna li nfetħet Dar Sebħ Ġdid. Hawnhekk ngħinu nies jerġgħu jsibu lilhom nfushom u jerġgħu jibnu l-ħiliet tagħhom f’post speċjalizzat. Immexxi minn tim multidixxiplinarju jew aħjar transdixxiplinarju barra mill-ħitan tal-Isptar, jahdem kemm fuq il-bijoloġiku kif ukoll fuq il-psikosoċjal, isir xoghol fuq bażi ta’ sħubija mal-pazjent, iffukata fuq rkupru, fejqan, tama u reżiljenza. Il-persuna bi problemi ta’ saħħa mentali tkun tista tingħata għajnuna biex tiżviluppa sens ta’ twemmin fiha nnifisha, sens ta’ identità, sens ta’ fiducja, u ħiliet biex tkun tista tgħix il-ħajja taghha, u fejn jista’ jkun, tkun tista’ taħdem ukoll. Huma dawn l-aspetti illi jagħtu reżiljenza u futur, fejn il-persuna tevita li toqgħod dieħla u ħierġa jew li saħansitra tagħmel ġranet sħaħ l-Isptar. L-għamara hija dik normali bhal dik li l-persuna jkollha d-dar. Anke l-individwu jibda jipprepara sabiex jintegra ruħu lura fis-soċjetà u jgħix ħajja indipendenti u għalhekk il-pazjenti jiġu mħeġġa jieħdu ħsieb anke ħwejjiġhom.
Dan is-servizz huwa ħolqa waħda biss mill-ħemel ta’ servizzi oħrajn li jingħataw kemm ġewwa l-isptar kif ukoll barra mill-isptar biex nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ dawn ħutna fil-bżonn.
Minn meta f’Diċembru 2021 beda jopera s-servizz Crisis Resolution Home Treatment li jagħti għajnuna psikjatrika, anki fid-djar tan-nies, f’mumenti ta’ kriżi, ġew magħjuna 218-il persuna, li aktar minn 90% minnhom baqgħu jieħdu l-għajnuna fil-komunità. Dan is-servizz ġdid, imsejjaħ “Crisis Resolution Home Treatment”, qed joffri għajnuna psikjatrika u psikoloġika lill-adulti f’ħinijiet sensittivi ta’ kriżi. Fil-binja ġdida ddedikata għal dan is-servizz, li qiegħda viċin Monte Karmeli iżda fl-istess ħin maqtugħa bi spazji u ġonna li joffru ambjent san, fejn dawn il-persuni jħossuhom komdi jitkellmu dwar dak li qed itaqqalhom.
F’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż diġà jeżisti servizz ta’ outreach, fejn pazjenti bi sfidi ta’saħħa mentali jmorru f’ċentri apposta u jieħdu għajnuna psikoloġika b’xejn. Li qed jiġri differenti issa huwa li wara li persuna tidħol l-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, tiġi riferuta għal dan it-tim u fi ftit sigħat, tiġi kkuntattjata u tingħata l-għajnuna speċjalizzata f’dan il-qasam. Ħafna drabi, dan is-servizz qed jingħata fid-djar stess tal-pazjenti sabiex kemm jista jkun ninormalizzaw u nnehhu l-istigma li tant għamlet ħsara f’dan is-settur.
Minn Jannar sa Lulju ta’ din is-sena, aktar minn 1660 persuna għamlu użu mis-servizzi ta’ saħħa mentali fil-komunità, offruti f’sitt ċentri ta’ rijabilitazzjoni madwar Malta, li qegħdin f’Raħal Ġdid, fiż-Żejtun, f’Ħal Qormi, f’Bormla, fil-Furjana u fl-Imtarfa. F’dawn iċ-ċentri jiġu offruti sessjonijiet individwali jew f’forma ta’ gruppi, minn psikologi, psikoterapisti, counsellors, occupational therapists jew care workers li jgħinu persuni bi sfidi mentali u jiggwidawhom biex ikunu indipendenti. Min jagħmel użu mis-servizzi, isirlu assessjar biex ikunu magħrufa l-abbiltajiet tiegħu f’ dawk li nsejħulhom bħala daily living skills u l-għanijiet li jrid jilħaq. Ċertu għanijiet ikunu li wieħed isib impjieg, li juża t-trasport pubbliku b’mod indipendenti u li bażikament jasal li jkun iktar indipendenti, anki f’xogħlijiet tad-dar, eżempju li wieħed jitgħallem isajjar.
Fil-budget rajna li l-għajxien assistit fil-komunità ser ikompli jiġi sostnut permezz ta’ sheltered accommodation. Dan se jservi wkoll għal min ibati minn xi vizzju partikolari għax dawn in-nies jiġu fil-fatt megħjuna taħt il-kappa tas-saħħa mentali. Kemm jista’ jkun it-trattament u l-għajnuna lin-nies li għandhom diffikultajiet ta’ sahha mentali għandha ssir fil-komunità fejn huma stess jgħixu. Din tevita li jiġu mwarrbin u saħansitra ġġudikati u tkompli tenfasizza l-bżonn li jiġu inklużi fil-komunità.
Madanakollu hemm persuni illi l-kundizzjoni tagħhom twassal biex ikollhom bżonn imorru ’l bogħod mill-komunità fuq perjodu ta’ mistrieħ. Fil-fatt fil-budget ġie mħabbar li se jkun hemm Ċentru Terapewtiku għal min għandu dik li tissejjaħ djanjożi doppja. Jiġifieri li jkun ibati minn żewġ kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali f’daqqa. Sitwazzjonijiet bħal dawn ikollhom bżonn ta’ intervent u kura speċjalizzata u l-aċċertazzjoni li t-trattament tassew qed jaħdem. Mhijiex il-politika ta’ dan il-Gvern li nżommu lin-nies f’dawn iċ-ċentri għal xi tul ta’żmien iżda li li jagħmlu perjodi qosra biex kemm jista’ jkun malajr, jirritornaw fil-komunità.
Ma’ din l-inizjattiva se norbot ukoll l-importantza ta’ wegħda f’dan il-budget li jinbena sptar ġdid għall-Kura Psikjattrika Akuta ħdejn Mater Dei. Kura Psikjattrika Akuta tirreferi għal meta dak li jkun jesperjenza sintomi qawwijin u f’salt wieħed. Dan jista’ jiġri minħabba xi esperjenza li jkun ġarrab inkella għax ma jkunx ħa l-mediċina li suppost jieħu jew għax kultant ukoll tinqala marda għal għarrieda.
Il-messaġġ huwa ċar. Messaġġ wieħed ta’ Partit Laburista fil-Gvern li jippromwovi l-inklużjoni. Spiċċa ż-żmien fejn persuna jew persuni jiġu esklużi. Kull persuna għalina hija importanti u għandha x’tikkontribwixxi f’din is-soċjetà. It-triq ’il quddiem f’dan ir-rigward bdejnieha. Nistiednu lilek issa bħala qarrej li tipparteċipa magħna f’din il-politika inti wkoll.