Budget ieħor li se jagħti sens ta’ direzzjoni u serħan il-moħħ lill-investituri, iżda fuq kollox lill-ħaddiema

– Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa mal-General Workers’ Union bħala parti mil-laqgħat ta’ konsultazzjoni għall-Budget 2027

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Budget 2027 se jkun Budget ieħor li jagħti sens ċar ta’ direzzjoni u serħan il-moħħ, mhux biss lil dawk li qed jinvestu f’pajjiżna, iżda fuq kollox lill-ħaddiema, li se jkomplu jaraw il-qagħda tagħhom titjieb u l-protezzjoni tagħhom tissaħħaħ.

Il-Prim Ministru qal dan waqt laqgħa konsultattiva mar-rappreżentanti tal-General Workers’ Union fil-binja tal-GWU fil-Belt Valletta, bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni bi tħejjija għall-Budget 2027.

Dr Abela nnota li pajjiżna qed jopera f’kuntest internazzjonali kkaratterizzat minn inċertezza u sfidi sinifikanti. Huwa rrefera għad-diskussjoni internazzjonali li qed issir dwar dawn ir-realtajiet, inkluż fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll għall-pressjonijiet marbuta mal-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija.

Minkejja dan il-kuntest internazzjonali, il-Prim Ministru Abela sostna li Malta se tkompli toffri ċertezza u serħan il-moħħ lin-negozji, li qed jibqgħu jinvestu f’pajjiżna u joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol, fosthom impjiegi ta’ kwalità għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Huwa qal li dan huwa sentiment li qed jinħass f’diversi setturi tal-ekonomija u saħaq li l-ħolqien tax-xogħol kien, u se jibqa’, prijorità ewlenija għall-Gvern.

Il-Prim Ministru spjega li suq tax-xogħol b’saħħtu joħloq ukoll il-kundizzjonijiet biex isir aktar progress fil-kwalità tal-impjiegi u fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Semma fost l-oħrajn ftehimiet kollettivi, pagi aħjar u aktar opportunitajiet għall-ħaddiema biex javvanzaw fil-ħiliet u l-karrieri tagħhom.  Dr Abela qal li dan jista’ jsir għaliex pajjiżna għandu ekonomija u suq tax-xogħol li qed jagħti l-frott.

Huwa għamel referenza għas-sostenn kontinwu tal-Gvern fir-rigward tal-prezzijiet tal-enerġija. Dr Abela sostna li dan qed iwassal biex tkompli tiġi assigurata stabbiltà għall-familji u n-negozji u qed jgħin biex jiġu evitati effetti mhux mixtieqa fuq l-ekonomija Maltija.

Il-Prim Ministru saħaq li, quddiem realtà internazzjonali li għadha waħda imprevedibbli, il-Gvern se jkompli jkun sors ta’ stabbiltà u ċertezza.

Dr Abela temm billi rringrazzja lill-General Workers’ Union għall-proposti mressqa bi tħejjija għall-Budget 2027, kif ukoll għall-ħidma li twettaq ta’ kuljum favur il-protezzjoni tal-ħaddiema.

Għal-laqgħa kienu preżenti wkoll id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministri Silvio Schembri, Miriam Dalli, Clyde Caruana, Jonathan Attard, Chris Bonett, Jo Etienne Abela u Keith Azzopardi Tanti, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, id-Deputat Anthony Agius Decelis u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport